Fi 3 Xhur: Il-Pulizija Twaqqaf Mas-7,000 Karozza

 Fi 3 Xhur: Il-Pulizija Twaqqaf Mas-7,000 Karozza

Bejn Ottubru u Diċembru li għadda diversi taqsimiet tal-pulizija bl-għajnuna tal-Armata waqqfu mas-7,000 vettura.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li matul l-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet ħarġet mijiet ta’ ċitazzjonijiet għal ksur tar-regolamenti tat-traffiku, bl-iżjed komuni jkunu vetturi li ma kellhomx il-fanali jixegħlu kif suppost, vetturi mingħajr pjanċi tar-reġistrazzjoni mwaħħlin skont il-liġi u xufiera ġew imħarrka għax ma kinux libsin iċ-ċintorin tas-sigurtà.

Il-Pulizija qalet li f’Ottubru saru mal-110 spezzjoni tat-traffiku, 115 oħra f’Novembru u 150 oħra f’Diċembru.

L-iktar kontravenzzjonijiet li nstabu matul dawn ix-xhur kienu minħabba d-dawl, nuqqas ta’ ilbies taċ-ċintorin tas-sigurtà, fosthom tfal u anke minħabba li persuni nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja, jew bil-liċenzja skaduta. Matulhom instabu wkoll persuni fil-pussess ta’ diversi drogi, sewwieqa taħt l-effett tal-alkoħol wara li t-test tal-kampjun tan-nifs (breathalyser) ħareġ pożittiv. F’vetturi oħra, il-pulizija sabet skieken, baseball bat u arma tan-nar.

Il-Kummissarju tal-Pulizija saħaq li “dawn l-ispezzjonijiet se jkomplu jsiru matul il-jiem, ġimgħat u xhur li ġejjin.

Qal li l-Korp tal-Pulizija huwa impenjat li pajjiżna jkun sikur f’kull aspett, inkluż li jassigura l-ordni u s-sigurtà fit-toroq tagħna f’kull ħin tal-ġurnata.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com