Ġuvni Reliġjuż Għawdxi Jirrakkonta Dwar Meta Ħareġ Li Hu Gay Ta’ 17-Il Sena
Ta’ 17-il sena Eman beda jaċċetta s-sesswalità tiegħu u realizza li kienet valida, b’hekk ħareġ fil-pubbliku bħala persuna gay. Huwa jirrakonta kif f’dak l-istadju ma sabx is-sapport li kien jeħtieġ mill-komunitajiet reliġjużi li kien jifforma parti minnhom, tant li jgħid li ħassu barrani f’komunitajiet li kien ilu jifforma parti minnhom għal 17- il sena sħaħ. Jirrakonta wkoll kif dak iż-żmien ħassu mweġġa li ma setax jitkellem dwar dak li kien qed iħoss ma’ dawk li kienu qrib tiegħu permezz tal-komunità.
Intant, huwa tilef l-ispiritwalità tiegħu għal xi żmien, u illum meta jirrifletti dwar dan iħoss li forsi seta’ għamel sforz akbar hu ukoll u b’hekk jgħid li illum jipprova ma jwaħħalx f’ħaddieħor għad-direzzjoni li ħa hu. “Kien vjaġġ li kelli bżonn, sabiex nifhem is-sesswalità u l-ispiritwalita tiegħi”, qal Eman f’filmat li ttella’ fuq il-paġna ta’ Facebook St George’s Basilica.
Email qal li “ħafna li jkunu għaddejin minn dan il vjaġġ tas-sesswalità isaqsu: Ħa nkun aċċettat?” Infatti, riċerka li saret ma’ persuni LGBTI għawdxin turi li ħafna jesprimu s-sesswalità tagħhom mal-familjari tagħhom madwar l-età ta’ 21 sena, fil-perjodu li ġeneralment jinżlu jistudjaw f’Malta. Huwa ċar li diversi żgħażagħ jagħżlu dan il-perjodu riżultat tal-biża li ma jiġux aċċettati mill-familja, hekk kif f’din il-fażi huma xorta waħda jkunu se jitilqu mid-dar u jmorru jgħixu għal rashom f’Malta.
Eman illum huwa l-President ta’ LGBT+ Gozo, għaqda li l-iskop tagħha huwa li tgħin persuni LGBT+ sabiex jifmhu d-diversi identitajiet li jagħmlu l-persuna. Huwa temm r-rakkont tiegħu b’messaġġ pożittiv meta qal li “illum il-ġurnata ma [j]ħossx li [huwa] barrani għax kieku mhux qiegħed hawn”.
Segwi u isma r-rakkont sħiħ ta’ Eman hawn: