“Ħadna R-Ruħ” – Suldati Jesprimu Sodisfazzjon Wara Li Rċevew L-Ewwel Paga Biż-Żieda
Għadd ta’ suldati tal-Forzi Armati Maltin esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għaż-żieda li ngħataw fis-salarju tagħhom permezz tal-ftehim kollettiv li ġie ffirmat f’Novembru li għadda.
F’messaġġi ta’ suldati ppubblikati fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, ingħad li lbieraħ irċevew l-ewwel paga biż-żieda u issa qegħdin jirrealizzaw iż-żieda li ħadu.
F’messaġġ ieħor, suldat fl-Armata kiteb lil ministru u qallu wkoll li lbieraħ waslitlu l-ewwel paga biż-żieda tal-ftehim li ntlaħaq ftit tax-xhur ilu.
“Qed nibgħatlek għax bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, jien rajt żieda ta’ €380 u anke iżjed. Żieda sabiħa ħafna għalina l-ħaddiema. Ta’ dan nixtieq li f’isem il-familja tiegħi, nirringrazzjak għax bis-saħħa ta’ dawn il-flus inkunu nistgħu ngħixu aħjar”.
Suldat ieħor qal li meta ra l-aħħar paga, “ħadna r-ruħ jien u l-familja tiegħi”.
Il-Ministru Camilleri qal li dawn il-messaġġi jimlewh b’kuraġġ biex f’sena ġdida jaħdmu iktar bil-għan li jkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema Maltin u l-Għawdxin. Qal li minkejja l-pandemija, il-Gvern baqa’ jinvesti fin-nies.
Permezz tal-ftehim iffrmat f’Novembru li għadda fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, is-suldati kollha telgħu skala u b’hekk raw titjib fil-paga. Dan se jkollu impatt pożittiv ukoll fuq il-pensjoni tagħhom. B’dan il-ftehim is-suldati se jibdew jiġu kkumpensati finanzjarjament ukoll għas-sigħat maħduma wara 40 siegħa u li tagħhom ma kinux jitħallsu.