Ħamsa Arrestati F’Rejds Għad-Droga Fiż-Żejtun
Ħames persuni ġew arrestati mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga wara li nqabdu fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga kokaina u eroina, lesta għat-traffikar waqt rejds fiż-Żejtun.
L-ewwel operazzjoni saret il-Ħadd li għadda meta l-pulizija waqfu raġel ta’ 53 sena fi Triq Bon Kunsill.
Minn tfittxija li saret fuqu nstabu tliet pakketti b’sustanza suspettata kokaina. It-tfittxijiet komplew f’daru fi Triq Siniskal u bl-għajnuna ta’ kelb tat-Taqsima tal-Klieb (K9), instabu 11-il pakkett ieħor li kienu moħbija fl-iskalora u fihom kien hemm aktar sustanza suspettata kokaina.
F’operazzjoni oħra lbieraħ, il-pulizija arrestaw erbat irġiel wara diversi jiem ta’ sorveljanza. Minn tfittxija li saret f’residenza fi Triq Joe Attard, instabu diversi qratas ta’ droga b’sustanza suspettata kokaina u eroina, lesti għat-traffikar, kif ukoll diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga u ammont ta’ flus kontanti.
L-investigazzjonijiet fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ każijiet għadhom għaddejjin.