“Hawn Nuqqas Kbir T’Għarfien Dwar Ir-Razziżmu Fost Il-Poplu Malti” – Wara L-Każ Ta’ Maya Lucia

 “Hawn Nuqqas Kbir T’Għarfien Dwar Ir-Razziżmu Fost Il-Poplu Malti” – Wara L-Każ Ta’ Maya Lucia

Il-każ tal-Ħadd fejn il-player tan-Nisa Maya Lucia ġiet mgħajjra minħabba l-kulur tal-ġilda tagħha reġa fetaħ beraħ it-tema kontroversjali u l-konferma ta’ nuqqas ta’ tolleranza fejn tidħol kulur tal-ġilda fl-isport mhux inqas fil-futbol.

Minn żmien għal żmien l-MFA tniedi kampanji sħaħ kontra r-razziżmu, iżda jidher ċar li fis-sena 2021 is-soċjetà Maltija għadha intolleranti fil-konfront ta’ dan il-fenomenu ikraħ.

Deċiżjoni riċenti tal-gvern Malti li sabet il-kunsens ta’ kważi kulħadd fil-pajjiż kienet il-co-option ta’ Oliver Scicluna fil-parlament – persuna li għal snin twal kien minn ta’ quddiem biex jiddefendi d-drittijiet ta’ persuni b’abiltajiet differenti u biex dawn jiġu ntegrati aktar fis-soċjeta, minn jaf kieku ‘l quddiem issir xi ħaġa simili b’persuna iswed jew sewda imma ta’ kapaċitajjiet u ħiliet kbar, tingħata l-opportunita tirrapreżenta lill-poplu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Il-każ tal-Ħadd fil-konfront ta’ Maya Lucia b’xorti ħażina ma’ kienx l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fl-aħħar snin fil-futbol Malti.

Għadu riċenti l-każ tal-gowlkiper internazzjonali Malti Rashed Al-tumi li ftit xhur ilu ġie mgħajjar b’mod razzjali b’kumment fuq facebook minn uffiċjal tan-nursery ta’ San Ġwann, qabel maż-żewġ partijiet eventwalment iltaqgħu biż-żagħżugħ Malti jaħfer lil uffiċjal.

Lura fil-bidu tas-sena li għaddiet il-klabb tal-Premier Santa Lucia FC nieda l-kampanja bl-isem ta’ ‘Football has no Skin Tone’, bil-għan li tiħrax il-ġlieda kontra r-razziżmu fil-futbol lokali wara serje ta’ nċidenti li fiż-żmien ta’ qabel l-istqarrija, jiġifieri qabel Jannar 2020, il-klabb kien vittma tagħhom fosthom meta fiż-żmien li l-partitarji kienu għadhom jidħlu fl-istadiums cioe qabel faqqgħet il-pandemija, partitarji ta’ klabb oppost f’logħba partikolari fil-Hibernians Stadium l-istaġun li għadda kienu allegatament għamlu ħsejjes tax-xadini fil-konfront ta’ player ta’ Santa Lucia.

Wieħed isaqsi, Dawn il-kampanji minn entitajiet varji kontra r-razziżmu, fuq quddiem fihom it-tolleranza zero min-naħa tal-MFA kemm għadhom relevanti ?!

Wasal iż-żmien biex mill-kliem nibdew ngħaddu għall-fatti u l-kampanji kontra r-razziżmu jiġu diversifikati, imġedda u aktar b’saħħithom jekk trid bit-tama li jibdew iħallu l-effett mixtieq.

Fl-aħħar xhur fl-Ingilterra ħalliet effett sinjifikanti l-kampanja “Black Lives Matter”, imnedija wara l-qtil brutali ta’ George Floyd fl-iStati Uniti lura f’Mejju li għadda, bil-players li sal-lum għadhom jinżlu għarkuptejhom għal ftit sekondi qabel il-bidu ta’ kull partita.

Ir-razziżmu m’għandhux post aktar fil-logħba tal-futbol u każijiet bħal tal-Ħadd fil-ground ta’ Marsascala għandhom iwasslu biex l-awtoritajiet jieħdu l-passi kollha neċessarji għax inkella bħal ma’ dejjem ġara f’dan il-pajjiż, jgħaddu mhux ftit ġimgħat, iżda ftit jiem mill-inċident ta’ Maya Lucia, jintnesa kollox u każijiet simili jirrepetu ruħhom.

Il-futbol Malti għandu jkun kburi b’kull player barrani iswed li jilgħab f’pajjiżna kif aħna kburin bl-istess Malti jew Maltija bħalek li qed taqra dan l-artiklu, l-istess vittma tal-Ħadd Lucia, Kyrian Nwoko, Joseph Mbong u oħrajn li bi kburija jilbsu l-flokk tat-Tim Nazzjonali Malti.

Attivist kontra r-razziżmu Omar Rababah wara l-inċident tal-Ħadd qalilna hekk, “Jien naħseb li il-Maltin huma tolleranti sa ċertu punt pero mhux mgħarrfin dwar verament x’inhu razziżmu, l-origini tiegħu u għalfejn hu daqshekk ħażin – hi kwistjoni ta’ nuqqas t’edukazzjoni.

“Ma nghidx li l-Maltin mhux tolleranti għax meta l-barrani jkun favurihom (eżempju xi Niġerjan jiskorja kull logħba) – jafu jkunu tolleranti.

Kompla Rababah, “Jien naħseb li trid tittieħed azzjoni drastika fuq ir-razziżmu biex verament jasal il-messaġġ u tibda l-edukazzjoni, nixtieq nara lill-MFA tagħmel aktar fejn tidħol edukazzjoni f’dan il-qasam, biex jekk mhux eliminata, l-issue tar-razziżmu fil-futbol Malti tiġi tal-inqas mitigata.

“Dan japplika ukoll għal gvern ċentrali fejn nemmen li għandu jkun hawn Unit speċjalizzata kontra r-razziżmu li tkun tista tidħol “at full force” fuq dawn it-tip ta każijiet, temm jgħid Rababah.

Il-Ħadd stess intant, l-MFA kienet minn ta’ quddiem biex ikkundannat dan l-aġir fil-konfront tal-player ta’ Raiders Għargħur u tat-Tim Nazzjonali Maya Lucia, wara li din sofriet minn abbuż verbali ta’ natura razzjali waqt logħba tan-Nisa mill-Kampjonat ta’ taħt id-dsatax-il sena.

L-Assoċjazzjoni reġgħet ikkundannat kull forma ta’ mġieba razzjali ħażina u għamlitha ċara li r-razziżmu u d-diskriminazzjoni m’għandhomx post fil-logħba tal-futbol.

It-Tnejn anke s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clifton Grima tkellem dwar dan il-każ, “Nikkundanna bi sħiħ dan l-għaġir inaċċetabbli u tal-mistħija li seħħ waqt logħba futbol tal-Under-19 minn adulti li suppost jafu li jridu jkunu ta’ eżempju”.

L-Avukat Grima anke esprima s-solidarjeta ma’ Maya Lucia, ħeġġiġha tibqa’ taħdem u tirsisti biex kif għamlet fil-passat u b’dedikazzjoni, tibqa’ tikseb riżultati pożittivi kemm fit-Tim Nazzjonali tal-futbol u kif ukoll fuq livell ta’ klabb.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com