“Huwa Inkwetanti Li Ċerti Każijiet Jittawlu U Jieħdu Aktar Ħin Milli Stipulat Għall-Ebda Raġuni Partikolari” – Edward Zammit Lewis
“L-effiċjenza fil-Qrati ta’ Malta u ta’ Għawdex hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-gvern għal din is-sena,” tenna l-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis. Sostna li l-effiċjenza fil-qrati tilgħab irwol kruċjali fejn tidħol is-saltna tad-dritt u dan jaċċerta li ċċittadini, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-entitajiet kollha jaħdmu b’mod effiċjenti u jinżammu responsabbli. Dan jista’ jsir biss jekk l-qrati joffru rimedji f’waqthom u ġusti.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis saħaq fuq il-punt li huwa inkwetanti li ċerti każijiet jittawlu u jieħdu aktar ħin milli stipulat għall-ebda raġuni partikolari. “Huwa proprju għalhekk li fiżżjara tiegħu fil-Qorti ħabbar il-pass li jmiss fejn tidħol diġitalizzazzjoni fil-qrati tagħna. Issa wieħed ser ikun jista’ jippreżenta l-atti tal-qrati kriminali online.”
Il-proċess li bih wieħed jippreżenta atti tal-kriminal b’mod diġitali Il-Kap Eżekuttiv tal-Qorti Frank Mercieca spjega kif wieħed jista’ jippreżenta l-atti tal-qrati kriminali online. L-ewwel ma jrid jagħmel huwa li jidħol fis-sit http://ecourts.gov.mt fejn tkun tista’ taċċessa jekk inti:
a. professjonist legali jew l-Avukat Ġenerali billi tillogja bl-e-ID, u
b. l-uffiċjal prosekutur jista’ jaċċessa mill-homepage fejn hemm indikat Sottomissjoni tal-Atti – Kriminal.
Teżisti din id-distinzjoni minħabba li l-aċċess għall-uffiċjal prosekutur huwa limitat għall-qrati inferjuri u għalhekk m’hemmx bżonn ta’ login bl-e-ID, filwaqt li l-aċċess għall-professjonisti legali u għall-Avukat Ġenerali huwa bl-e-ID għax jistgħu jippreżentaw fi kwalunkwe qorti u diġa’ reġistrati bħala professjonisti legali fl-ecourts.
Is-Sur Mercieca spjega wkoll kif min għandu bżonn jippreżenta, jista’ jagħmel dan millkumdità tal-uffiċċju u jista’ jippreżenta kull ħin mingħajr ma joqgħod immur il-one-stop-shop u jistenna sakemm jiġi moqdi. Mill-att ta’ amministrazzjoni dawn l-atti tal-kriminal ser jiġu proċessati dakinhar stess jekk l-att ikun ippreżentat onlajn fil-ħinijiet tal-ftuħ tar-reġistru u jekk jiġu ppreżentati onlajn wara l-ħinijiet tal-ftuħ jiġu proċessati l-għada. L-akbar benefiċċju ta’ din il-miżura ser jinħass fis-sajf minħabba li l-ħinijiet tal-ftuħ tar-reġistru huma qosra skont il-liġi.
Wara din iż-żjara l-Ministru Zammit Lewis kellu laqgħa ta’ madwar 90 minuta mal-amministrazzjoni sħiħa tal-Qorti, fejn qal li għalkemm kull min hu involut fl-operat tal-Qrati jwettaq xogħol tajjeb, hemm bżonn ta’ aktar effiċjenza.
Fl-aħħar xhur, il-gvern beda jħejji eżerċizzju ambizzjuż biex jemenda l-qafas leġiżlattiv u jinvesti favur sistema ta’ ġustizzja effiċjenti u effettiva. Riċentament tnedew żewġ proġetti ambizzjużi, fosthom investiment ta’ madwar €5 miljun sabiex jiġi estiż il-bini tal-qrati fi żmien sentejn u proġett ieħor fis-sistema ta’ awli fully-digitised fil-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta li jagħtu lok għal teleconference. Flimkien mar-riformi, dawn il-proġetti jħejju t-triq għal ġustizzja aktar aċċessibbli għaċ-ċittadin, biex b’hekk il-Maltin u l-Għawdxin dejjem ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-gvern, temmet tgħid l-istqarrija.