Iktar Immigranti Rilokati Lejn Pajjiżi Tal-UE
Fl-aħħar sigħat grupp ta’ immigranti ġew irrikolati lejn pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea bil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jgħid li tul ix-xahar ta’ Jannar ġew ittrasferiti aktar minn 120 immigrant għal pajjiżi oħrajn.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li dawn l-immigranti issa se jkomplu bit-talba tagħhom għall-ażil fil-pajjiżi li pparteċipaw fil-proċess ta’ rilokazzjoni. Ingħad li dan il-proċess kien ikkordinat mill-Kummissjoni Ewropea wara t-talbiet ta’ Malta biex ikun hemm qsim tar-responsabbiltà f’każi fejn immigranti irregolari jidħlu fl-Unjoni Ewropea.
Żied jingħad li kemm qabel u kemm waqt it-trasferiment ittieħdu l-miżuri kollha ta’ prevenzjoni marbuta mal-COVID-19.
Waqt kunsill informali bejn il-Ministri tal-Intern tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri reġa’ tenna l-istrateġija tal-gvern Malti dwar l-immigrazzjoni. Huwa emfasizza l-bżonn ta’ iktar proċessi ta’ rilokazzjoni, flimkien ma’ appoġġ lill-pajjiżi ta’ oriġinu u tranżitu.
“Ir-rilokazzjoni trid tkun parti mill-politika Ewropea tal-immigrazzjoni, flimkien ma’ iktar progress fuq id-dimensjoni esterna fid-dawl tar-ritorn u l-prevenzjoni tal-wasliet,” qal il-Ministru Camilleri.
L-eżerċizzji ta’ rilokazzjoni kienu kkordinati minn uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern,is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u l-istess ministeri f’pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea.
It-tħejjijiet involvew l-assistenza tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija, l-organizazzjoni internazzjonali tal-migrazzjoni (IOM) u l-Uffiċċju tal-Appoġġ għall-Ażil tal-Unjoni Ewropea (EASO).
Ir-rilokazzjoni kienet ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea fosthom mill-fond ta’ assistenza ta’ emerġenza taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni (AMIF).