‘Il-Furjana’ B’Azzjoni Dwar L-Ark Ta’ San Publiju Li Ġie Vvandalizzat F’April li Għadda

 ‘Il-Furjana’ B’Azzjoni Dwar L-Ark Ta’ San Publiju Li Ġie Vvandalizzat F’April li Għadda

Id-direzzjoni tal-gazzetta ‘Il-Furjana’ għadha kemm ippubblikat ktieb dwar l-Ark ta’ San Publiju tal-Furjana, bl-iskop ewlieni li jinġabru flus li jmorru għall-fond biex dan il-patrimonju nazzjonali jinbena mill-ġdid fil-ġmiel kollu li kellu fil-120 sena tal-eżistenza tiegħu. Dan l-att vandalu, li xxokkja u nikket mhux biss lill-Furjaniżi kollha imma wkoll lil dawk f’pajjiżna li għandhom għal qalbhom kull tip ta’ wirt kulturali li ħallewlna missirijietna, seħħ fil-lejl ta’ bejn is-26 (li kien il-Ġimgħa) u s-Sibt 27 ta’ April tal-2019.

L-idea li jsir dan il-ktieb, bit-titlu ‘L-Ark ta’ San Publju tal-Furjana (1899-2019)’, kienet ġiet lill-eks membru tal-Bord Editorjali ta’ ‘Il-Furjana’ Charles Zammit Moore. Imma d-destin ma ridtx li hu jara mitmum il-proġett li kien welled għaliex fl-istess ġranet li fihom oriġinarjament kien ippjanat li jkun pubblikat il-ktieb f’Ottubru tas-sena l-oħra, huwa ħalliena.

Il-faċċata tal-ktieb, b’ritratt meħud minn Daniel Cilia, turi l-istatwa ta’ San Publju għaddejja minn taħt l-Ark trijonfali nhar il-festa fil-Furjana,

Il-ktieb ‘L-Ark ta’ San Publju tal-Furjana (1899-2019) fih 224 faċċata, kollha bil-kulur. F’dawn il-faċċati wieħed isib mal-260 ritratt meħuda minn fotografi differenti. Fost l-artikolisti ta’ dan il-ktieb wieħed isib lill-mibki Professur Oliver Friggieri, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, lill-Antropologu Olandiż ta’ fama internazzjonali l-Professur Adrianus Koster, l-Arċipriet tal-Furjana l-Kanonku Dun Charles Cini u s-Sindku tal-istess lokalità Davina Sammut Hili.

Il-ktieb fih ukoll messaġġi mill-President ta’ Malta George Vella, tal-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna, tal-ex Ministru tal-Finanzi l-Professur Edward Scicluna u tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali  Dr Jose’ Herrera.

‘L-Ark ta’ San Publju tal-Furjana (1899-2019)’ għandu direzzjoni artistika ta’ Joseph A. Cachia u kien stampat minn Print It ta’ Kordin.

Il-ktieb fih ukoll aspett wiesa’ storiku li jmur lil hinn minn dak purament parrokkjali. Fil-fatt l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello fl-artiklu tiegħu jagħti ħarsa fuq firxa ta’ sekli, lejn l-ark ċerimonjali f’pajjiżna. Artiklu li hu akkumpanjat minn diversi ritratti storiċi, li fosthom hemm uħud li qed ikunu ppubblikati għall-ewwel darba proprju f’dan il-ktieb.

Interessanti wkoll hi ’l hekk imsejħa ‘Lista tas-Solidarjetà, li tiġbor fiha aktar minn 70 isem ta’ parroċċi, għaqdiet, kumitati u gruppi konnessi mal-festi, każini tal-baned, fratellanzi u Facebook Pages li tellgħu post fil-paġni tagħhom tal-midja soċjali biex jesprimu solidarjetà mal-Furjaniżi wara l-att vandalu ta’ April 2019.

Għall-ewwel darba, f’dan il-ktieb qed jiġi ppublikat ritratt li juri framment minn ark ċerimonjali qadim li kien jintrama f’pajjiżna. Dan ir-ritratt qed ikun pubblikat mal-artiklu tal-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello.

Il-ktieb qed jinbiegħ bil-prezz ta’ €25. Biex wieħed jakkwista kopja jista’ jċempel fuq in-numru 79339649.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com