Il-Knisja Lill-UPE: Ieqaf Oħloq Paniku u Ansjetà Bla Bżonn Fl-Iskejjel

 Il-Knisja Lill-UPE: Ieqaf Oħloq Paniku u Ansjetà Bla Bżonn Fl-Iskejjel

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja (CSA) kkundanna l-aġir tal-Union of Professional Educators (UPE) u sejħitlu irresponsabbli meta qed tippubblika informazzjoni fil-paġna tagħha fuq Facebook dwar każijiet tal-COVID-19 fl-iskejjel tal-Knisja.

“Dan l-aġir qed joħloq paniku u ansjetà bla bżonn fost l-istudenti, il-ġenituri u l-edukaturi. L-iskejjel tal-Knisja qed jagħmlu minn kollox biex jinfurmaw lill-ġenituri u l-istaff tal-iskejjel b’dak li qed isir meta jkun hemm każ pożittiv fl-iskejjel. Dan qed isir b’mod trasparenti sabiex dejjem jiġi żgurat li s-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u tal-istaff jibqgħu prijorità fl-iskejjel”, qal is-Segretarjat fi stqarrija.

Żied jingħad li l-iskejjel tal-Knisja ilhom minn Settembru li għadda jisħqu li tali stqarrijiet mill-UPE ma jagħmlux ġid għas-sitwazzjoni ta’ bħalissa, sitwazzjoni li diġà hija ta’ sfida għall-iskejjel kollha f’pajjiżna.

Għaldaqstant, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja appella lill-ġenituri sabiex jibqgħu f’kuntatt mal-iskejjel ta’ wliedhom sabiex ikollhom informazzjoni oġġettiva dwar il-każijiet tal-COVID-19 u l-proċeduri ta’ sigurtà fl-iskejjel.

Temm jgħid i f’dan iż-żmien ta’ sfida, l-iskejjel tal-Knisja se jibqgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa sabiex ikomplu jipprovdu d-dritt għall-edukazzjoni lil aktar minn 17,000 student.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com