Il-Massimu Ta’ Persuni Fi Grupp Wieħed Se Jinżel?
Wara li dalgħodu l-Prim Ministru ħabbar li se jitħabbru numru ta’ miżuri ġodda għal matul Frar biex titrażżan l-imxiha tal-Covid-19, speċjalment fil-ġranet tal-Karnival, Strada Rjali tinsab infurmata li fost il-miżuri se jkun hemm li jonqos in-numru ta’ persuni li jistgħu ikunu flimkien jekk ma’ jgħixux fl-istess residenza.
Bħalissa fil-pubbliku l-massimu ta’ nies possibbli fl-istess grupp huwa ta’ 10 persuni, waqt li qabel l-1 ta’ Ottubru il-massimu ta’ persuni f’grupp wieħed kien ta’ 15-il persuna.
Strada Rjali tinsab infurmata li dan in-numru jista’ jinżel għal 6 persuni, dan ikun ifisser li anke l-massimu tal-persuni f’ristoranti pereżempju fuq l-istess mejda jkun ta’ 6 persuni.
Il-Miżuri l-ġodda mistennija jitħabbru għada.
Dalgħodu l-Prim Ministru ħabbar ukol li l-Bars u l-Każini f’Malta u Għawdex ser jinżammu magħluqa wara l-1 ta’ Frar meta sippost kien jiskadi l-avviż legali li ordna l-għeluq tagħhom fl-1 ta’ Ottubru.
Dalgħodu l-Prim Ministru ċaħad li tista’ tidħol miżura li fid-9pm ma’ tkunx tista’ toħroġ barra u ċaħad ukoll li jista’ jsir lockdown, iżda kkonferma li ser jitħabbru miżuri ġodda.