Il-Poplu Malti Jagħti Rigal Ta’ €2,531,540 Lid-Dar Tal-Providenza
“Jien emozzjonat ħafna bil-ġenerożità u s-solidarjetà tal-Maltin u Għawdxin li minkejja kollox taw rigal mill-isbaħ ta’ €2,531,540 lid-Dar tal-Providenza.” Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, mill-uffiċċju tiegħu fis-Siġġiewi minn fejn kien qed isegwi l-maratona u jwieġeb it-telefonati. Huwa żied jgħid li minkejja l-mard u l-inċertezzi li ġabet magħha l-pandemija Covid-19, il-poplu Malti reġa’ għamel ħwejjeġ kbar mad-Dar tal-Providenza li f’dawn l-aħħar xhur rat tnaqqis kbir fid-dħul tagħha l-aktar billi kellha tħassar attivitajiet ta’ ġbir ta’ flus bħall-maratona tal-volleyball. Dan kien messaġġ ta’ tama fi żmien ta’ qtugħ il-qalb dwar kemm se ndumu maħkuma mill-pandemija.
Huwa qal dan fi tmiem ta’ maratona televiżiva ta’ ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar biex tkun tista’ tkompli tipprovdi l-aħjar servizzi residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità li jgħixu fid-djar tagħha fis-Siġġiewi u fil-komunità. Minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija Covid-19 li ninsabu fiha, kellu jitbiddel il-programm kollu kif ukoll il-post fejn saret l-attività. Biex ukoll jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti, li kienu l-prijorità assoluta tal-Amministrazzjoni tad-Dar minn Marzu li għadda, ma sar xejn fil-parkeġġ li hemm fis-Siġġiewi kif kien isir is-soltu ħlief drive-thru fejn dak li jkun seta’ jwassal id-donazzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn joħroġ mill-karozza.