Jibda X-Xogħol Fuq il-Mini Ta’ Ħal Kirkop U Flyover Ġdida
Infrastruttura Malta bdiet ix-xogħol fuq proġett ieħor ambizzjuż fit-toroq Maltin li b’investiment ta’ €18-il miljun għandu jsarraf f’titjib fir-roundabout tal-Gudja, flyover ġdida għal dawk li jivvjaġġaw minn u lejn Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, iż-Żurrieq u Ħal Safi kif ukoll żewġ mini ġodda biex itejbu l-aċċess għall-Ajruport u l-Freeport.
Il-proġett mistenni jinkludi passaġġ pedonali li Infrastructure Malta se tkun qed tibni tul l-istess triq kif ukoll disinn ġdid tar-roundabout li se joffri faċilitajiet aktar siguri għan-nies meta jaqsmu t-triq kif ukoll għaċ-ċiklisti.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru d-dettalji tal-proġett, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li dan il-proġett huwa prova ċara oħra li dan il-Gvern hu tassew għan-nies. Dqal li dan l-investiment se jiffaċilità l-ħajja ta’ bosta nies, speċjalment dawk kollha li jivvjaġġaw ta’ kuljum minn din iż-żona. Spjega li l-flyover il-ġdida se tnaqqas kemm il-ħin tal-ivvjaġġar minħabba li se jonqos it-traffiku iżda se jonqos ukoll ir-riskju ta’ inċidenti.
Infrastructure Malta bdiet ix-xogħoljiet fuq dan il-proġett din il-ġimgħa fl-istess waqt li wasal ukoll biex jtlestew iż-żewġ proġetti infrastrutturali maġġuri l-oħra; Il-Mini ta’ Santa Luċija u l-Marsa Junction Project.