Jikkundannaw Kummenti Li Jirredikolaw Lir-Residenti Furjaniżi

 Jikkundannaw Kummenti Li Jirredikolaw Lir-Residenti Furjaniżi

Il-Kunsill Lokali tal-Floriana kkundanna b’mod kategoriku kummenti li saru lbieraħ f’artiklu ppubblikat minn Kristina Chetcuti f’The Times of Malta.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali qal li waqt li jirrispetta l-libertà tal-espressjoni, jikkundanna kategorikament kull kumment u ton li intenzjonat li jirredikola l-lokalità u lir-residenti Furjaniżi.

“Ta’ min ifakkar, jew possibilment jinforma lis-Sa. Chetcuti li, fuq kull naħa ta’ dak li fl-artiklu ssejjaħlu ‘nothing but’ 400m strip (b’referenza għal Triq Sant’ Anna), wieħed isib binjiet residenzjali li fihom jgħixu bnedmin bħal f’kull Belt, raħal, jew villaġġ ieħor f’Malta. Insibu wkoll uffiċini li joffru servizzi lill-komunità u l-kwartieri ta’ istituzzjonijiet kemm ċivili kif ukoll reliġjużi, ġonna u spazji pubbliċi, veduti spettakolari ta’ Marsamxett u l-Port il-Kbir, kif ukoll binijiet storiċi u l-akbar konċentrazzjoni ta’ monumenti pubbliċi f’pajjiżna”, qal il-Kunsill.

Il-Kunsill qal li kien u ser jibqa’ dejjem magħqud unanimament favur kull proġett propost li għandu l-intenzjoni li jtejjeb il-ħajja tar-residenti li lkoll jirrappreżentaw, mingħajr ebda interess partiġġjan jew personali.

“Dan għax nemmnu fi Floriana dejjem aħjar, u b’ambjent san mhux biss għall-ftit eluf ta’ nies li jgħixu fil-lokalità, iżda wkoll għall-konvenjenza tal-pubbliku ġenerali, inkluż dawk li sal-lum iħarsu lejn il-Floriana bħala ‘non-existent’”, il-Kunsill tal-Floriana.

Il-kunsill temm jawgura li din it-trasformazzjoni pożittiva tal-lokalità tagħna sservi għal ħafna bħala spazju rikreattiv u ta’ serħan il-moħħ f’pajjiżna.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com