Jilqgħu l-Abbozz Ta’ Liġi Biex Jiżdiedu N-Nisa Fil-Parlament
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) laqgħet l-iżviluppi parlamentari li fil-prattika se jwasslu għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-isfera politika.
L-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kostituzzjoni ta’ Malta u Diversi Liġijiet (Emenda) li bħalissa jinsab fl-istadju tat-tieni qari, se “jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta biex jintroduċi miżuri pożittivi neċessarji u raġonevoli f’soċjetà demokratika sabiex tiżgura l-ugwaljanza de facto bejn in-nisa u l-irġiel fil-politika u wkoll emendi fl-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali sabiex jiżdied in-numru ta’ kummissjonarji elettorali u jiżgura rappreżentanza ugwali bejn is-sessi.”
Il-Kummissjoni sejħet din l-inizjattiva importanti bħala żvilupp storiku. Qalet li din il-proposta hija r-riżultat tar-Riforma dwar il-Bilanċ bejn is-Sessi fil-Parlament li għandha l-għan li tindirizza d-defiċit demokratiku attwali minħabba r-rappreżentanza verament baxxa u persistenti tan-nisa fl-isfera politika.
Qalet li għal għexieren ta’ snin, Malta konsistentement waqgħet lura minn pajjiżi oħra fil-bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fil-Parlament kif muri mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2020 u r-Rapport Globali dwar id-Differenza bejn is-Sessi tal-2020.
L-aħħar statistika tal-2020 turi li r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Malti kienet biss ta’ 13.4% meta mqabbla ma’ 32.8% tal-medja Ewropea (UE 28) .
Il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-miżuri pożittivi mmirati biex jaċċelleraw l-ugwaljanza de facto bejn in-nisa u l-irġiel huma diġà minquxa fil-Kostituzzjoni ta’ Malta li ‘jipprovdu għat-teħid ta’ miżuri speċjali bil-għan li tiġi aċċellerata l-ugwaljanza de facto bejn l-irġiel u n-nisa, u sa fejn biss dawk il-miżuri, iqisu t-tessut soċjali ta’ Malta, jintwerew li huma raġonevolment ġustifikabbli f’soċjetà demokratika.’
Temmet tgħid li miżuri pożittivi huma meħtieġa b’mod ċar biex ikissru l-istatus quo u jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi li jirriżultaw minn ostakli storiċi u strutturali li jiffaċċjaw in-nisa fis-soċjetà.
L-implimentazzjoni tal-miżuri proposti se tkun strumentali għat-tisħiħ ta’ soċjetà demokratika bil-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fl-ogħla istituzzjoni nazzjonali għat-teħid tad-deċiżjonijiet.
L-NCPE tistenna bil-ħerqa li tara din l-inizjattiva ssir realtà għall-benesseri tas-soċjetà Maltija kollha.