Jingħata Bidu Għall-Istaġun Tax-Xitwa Tal-Atletika
L-aqwa atleti ta’ pajjiżna flimkien ma’ żgħażagħ promettenti reġgħu lura fit-trakka tal-Marsa għall-ewwel minn sensiela ta’ tliet appuntamenti tax-Xitwa organizzati minn Athletics Malta. Dawn l-avvenimenti jservu ta’ tħejjija għall-Kampjonati Nazzjonali tax-Xitwa, fl-20 ta’ Frar, li permezz tagħhom l-atleti jistgħu jikkwalifikaw għall-Kampjonati Ewropej Indoor tal-Atletika li se jsiru fil-Polonja f’Marzu.
Hekk kif il-pandemija ċaħdet lill-aqwa atleti mir-Road Running League, għal ħafna dan l-avveniment kien opportunità tajba biex jikkompetu u jfittxu riżultati tajbin. Filfatt, it-tellieqa fuq 3,000 metru offriet spettaklu mill-aqwa hekk kif tlieta mill-aqwa atleti fid-distanza medja, Charlton Debono (Evolve Endurance Club), Dillon Cassar (Mellieħa AC) u Luke Micallef (Pembroke) jidħlu f’inqas minn sekonda bejniethom.
Il-ħinijiet tagħhom ta’ 8.33.90, 8.34.52 u 8.34.70 rispettivament li kienu fost l-aqwa rreġistati f’pajjiżna. B’dan ir-riżultat, Debono kompla jżid mal-lista ta’ rekords nazzjonali, din id-darba għall-kategorija ta’ Over 35 fuq din id-distanza.
Fl-istess tellieqa, Aaron Mifsud, ta’ Mellieħa waaqaf rekord ukoll fil-kategorija tal-fuq minn 40¸ meta temm f’ħin ta’ 9.18.25. L-atleti ta’ taħt l-20 sena; David Borg (Athletix) u Gabriel Farrugia (Giovanni Curmi Higher Secondary) ukoll irreġistraw l-aħjar ħinijiet personali.
L-ewwel avveniment tax-Xitwa kellu bosta prestazzjonijiet pożittivi fost iż-żgħażagħ. Nicolai Bonelli, atleta U/16 ta’ La Salle, qabeż 3.55m fil-Pole Vault, riżultati li mhux biss huwa l-aqwa fil-kategorija f’din l-eta iżda jwittilu t-triq li jattakka r-rekord ta’ taħt l-20 sena li għadu f’idejn Jason Monreal b’3.90m. Peppina Dalli (Pembroke) kellha wkoll prestazzjoni tajba ħafna wkoll b’3.40m. Ta’ min isemmi wkoll lil Ylenia Muscat, Pembroke, li qabżet 2.55m fost l-Under 14.
Carla Scicluna (Pembroke) rebħet is-60m f’ħin ta’ 7.77s, li huwa l-aqwa wieħed b’mod personali, filwaqt li Kurt Zahra ta’ Rush rebaħ it-tellieqa tal-irġiel b’7.28s. Graham Pellegrini (Pembroke) u Martha Spiteri (Zurrieq Wolves) rebħu t-tellieqa tat-300m permezz ta’ personal bests, f’dawk li kienu meqjusa bħala prestazzjonijiet tajbin ħafna f’din il-fażi bikrija tal-istaġun.
L-atleti jkunu lura fuq it-trakka fit-tmiem din il-ġimgħa għat-tieni Pre-Season Event.
Ritratt: Athletics Malta