Jitnieda l-Proġett ta’ €2.5 Miljun Ta’ Pixxina Ġdida F’Marsaxlokk
B’investiment ta’ ‘l fuq minn €2.5 miljun, f’Marsaxlokk ser jitnieda proġett b’faċilitajiet tal-ogħla livell li jinkludu pixxina b’ilma msaħħan, gym, fitness centre, u anke klinika għar-residenti tal-lokal.
Għal attività li saret biex jiġi spjegat l-impatt pożittiv li ser iħalli dan il-proġett ġewwa l-Marsaxlokk Waterpolo Club kien hemm preżenti numru ta’ persuni mill-komunità Xlukkajra, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, kif ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Ronald Mizzi.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo qal li minkejja li Malta hija żona turistika waħda, dan l-investiment ser ikompli jsaħħaħ il-potenzjal turistiku fin-Nofsinhar ta’ Malta. “Nemmen bis-sħiħ li dan il-proġett ser imur lil hinn minn sempliċiment provediment ta’ faċilitajiet. Anzi ser ikompli jtejjeb il-prodott ta’ kwalità li noffru kemm lit-turist u dak domestiku. Bil-kwalità igawdi l-Malti u anke dak it-turist li jiġi jżurna u li permezz ta’ dan kollu jirnexxielna nħallu fuqu marka pożittiva”, kompla jgħid il-ministru.
Is-Sur Victor Fenech, President tal-Marsaxlokk Aquatic Sports Club qal li fl-aħħar bdiet it-triq f’dik li hija meqjusa bħala l-ħolma Xlukkajra. “Issa li anke l-Awtorità tal-Ippjanar approvat dan il-proġett, l-investiment mill-gvern ċentrali li qed isir f’Marsaxlokk ser jgħin biex dan il-villaġġ pittoresk tant magħruf għas-sajd u l-għawm jiġbed iżjed nies biex jżuru din il-lokalità.”