Kummenti Perikolużi Wara Li Ira Losco Tkellmet Dwar Meta Sfat Vittma Ta’ Attakk Sesswali F’Lift
Fl-aħħar jiem Ira Losco rrakkontat fuq Instagram l-esperjenza ta’ attakk sesswali li għaddiet minnha ftit tas-snin ilu waqt li kienet fuq tour mużikali.
Losco qalet li f’jum partikolari daħlet waħedha fil-lift, u malli raha waħedha, l-aggressur, mar jiġri lejn il-lift, żammu u daħal ħdejha.
“Fil-lift idu marret direttament hemm isfel, u jien iffriżajt”, irrakkuntat Ira Losco. Hija qalet li minnufih ħasset sens ta’ disprament u biża u b’hekk bdiet twerżaq u ċċanfar lill-aggressur. Intant, huwa qabdu paniku u ħarab jiġri malli nfetaħ il-lift.
Wara li Losco tkellmet dwar din il-ġrajja fuq Instagram, xi portals irrappurtaw l-istorja tagħha u hemmhekk bdew il-kummenti perikolużi. Kien hemm persuni li rringrazzjaw lil Ira tal-kuraġġ u talli tkellmet dwar din l-esperjenza sabiex tqajjem kuxjenza, iżda kien hemm ukoll persuni li allegaw li Ira qalet dan sabiex tikseb aktar fama. Dawn tal-aħħar huma kummenti perikolużi mmens!
Permezz ta’ kummenti bħal dawn wieħed qed jgħaddi l-messaġġ li meta tfajla, tifla jew mara tgħaddi minn esperjenza simili jkun aħjar li ma tgħid xejn, għax malajr tiġi nterpretata li qed tagħmel dan sabiex tiġbed l-attenzjoni. Kummenti bħal dawn huma kundanabbli għax ikomplu jsikktu lil dik li għaddiet minn esperjenza bħal din u qed issibha bit-tqila biex tagħmel kuraġġ u titkellem ħalli tinħeles mit-toqol.
Hija sitwazzjoni oxxena li fil-konfront ta’ esperjenza bħal din wieħed jagħżel li jiġġudika jew jikkundanna lill-vittma! Ejjew flimkien inqajjmu kuxjenza dwar dan is-suġġett, sabiex inħeġġu aktar nisa jitkellmu dwar l-esperjenzi qarsa tagħhom u jfittxu l-għajnuna meta meħtieġa. Kuraġġ!
Għaddi l-kumment tiegħek dwar dan fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook.