“L-Aċċess Għal Ambjent San U N-Natura Hu Fundamentali Għall-Bniedem” – Cyrus Engerer
Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer sejjaħ lill-awtoritajiet biex jagħtu iktar importanza lill-benefiċċji għas-saħħa mentali tal-bniedem billi jissalvagwardjaw l-aċċess għan-natura u l-biodiversita’.
“Iċ-ċittadini Ewropej qed jitkellmu b’mod b’saħħtu għall-protezzjoni tal-ambjent. Iktar ma jmur, żoni urbani mimlija konkrit, l-emissjonijiet, arja mniġġsa, ibħra u xmajjar maħmuġin u t-tibdil fil-klima qed ikollhom impatt negattiv fuq is-saħħa mentali taċ-ċittadini. L-awtoritajiet għandhom jaħdmu biex jagħtu aċċess lil kulħadd għal żoni ta’ ambjent nadif u naturali biex jassiguraw is-saħħa mentali tan-nies u l-bżonnijiet ta’ soċjeta’ sana,” qal Engerer.
Cyrus Engerer kien mistieden jaqsam il-ħisbijiet tiegħu, bħala Ko-President tal-Alleanza fil-Parlament Ewropew ta’ Menta Health Europe, fil-ftuħ ta’ konferenza organizzata minn Mental Health Europe u l-Istitut Ewropew għall-Politika dwar l-Ambjent, fejn ġew varati numru ta’ rakomandazzjonijiet lill-Membri Parlamenti Ewropew u leġislaturi Ewropej dwar il-korelazzjoni bejn l-ambjent u s-saħħa mentali.
Engerer saħaq fuq l-importanza li dawk li jaħdmu fil-qasam tal-politika ambjentali u tal-ippjanar jgħarfu l-impatt fuq is-saħħa mentali tal-bniedem bid-deċiżjonijiet li jkunu qegħdin jieħdu. Qal li l-aċċess għan-natura jew għal infrastruttura ambjentali jkollha impatt fuq il-benessere tas-soċjeta’. Engerer qal li kulħadd għandu x’jitgħallem mill-pandemija Covid-19 u li għandna nkunu preparati li t-tibdil fil-klima jista’ jġib pandemiji oħra. Għaldaqstant spjega li għandna minn issa nibdew naħdmu fuq il-piż li dan kollu għandu fuq is-saħħa mentali tal-individwu.
“Matul il-pandemija l-ambjent naturali kien ta’ soljev għal ħafna minna. Mixja fil-kampanja jew ħdejn il-baħar kien jirnexxielha tgħin biex iżżomna kalmi u tagħtina il-mistrieħ. Din hi lezzjoni li għandna nitgħalmu minnha. Għalhekk qiegħed insejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Gvernijiet biex jgħarfu r-relazzjoni li teżisti bejn l-ambjent u s-saħħa mentali (apparti fiżika) tan-nies meta jkunu qegħdin jieħdu d-deċiżjonijiet.
L-Ewroparlamentari Engerer, li matul l-2020 kien il-ko-President tal-Kunsill Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar ħeġġeġ lill-Gvern, Kunsilli Lokali, s-Soċjeta’ Ċivili u l-Għaqdiet Non-Governattivi biex ikollhom approċċ olistiku dwar l-aċċess għan-natura, filwaqt li faħħar l-opportunitajiet għall-finanzjament mill-Gvern għal proġetti ambjentali matul is-sena li għaddiet.
“In-nies huma mdejjqa b’binjiet tal-konkrit, żvillup essaġerat u l-mass production tal-propjeta’. Iridu iktar spazji ħodor, li jkunu aċċessibli għal kulħadd u li jservu għas-serħan tal-moħħ. Din ir-realta’ hi possibli. Fil-Parlament Ewropew tkellimna b’saħħa li l-Fondi Ewropej għall-perjodu li ġej, kif ukoll dawk mill-Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza, jridu jservu għat-tħaddir tal-ekonomija, t-tħaddir tal-ibliet u l-irħula, u tħaddir tal-postijiet tax-xogħol u l-iskejjel li naħdmu u nistudjaw fihom. Il-fondi Ewropej għandhom iservu biex inħaddru ħajjitna,” qal Engerer.
Engerer ikkonkluda billi wiegħed dan l-approċċ fil-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew, speċjalment fix-xogħol fil-Kumitat għall-Ambjent u s-Saħħa Pubblika fuq l-istrateġija dwar il-Biodiversita’ 2030, li bħalissa qed tiġi diskussa f’dan il-kumitat.
“Qiegħed nisħaq fil-Kumitat għall-Ambjent u s-Saħħa Pubblika fid-diskussjoni dwar il-biodiversita’ li għandna nassiguraw li mill-inqas 30% tal-foresti u l-ibħra Ewropej ikunu żoni protetti li jservu biex nirrestawraw l-ekosistemi li ġew meqruda minħabba attivita’ umana li wasslet għal żvillup bla kontroll u tniġġis.”
Engerer temm id-diskors tiegħu billi qal li l-politika għas-saħħa mentali tal-Unjoni Ewropea ma għandiex tibqa’ diskussa sempliċiment mil-lat kliniku, iżda għandha tiffoka fuq il-bniedem fl-intier tiegħu.