L-Aġenzija DBRS Tilqa’ R-Riformi Mnedija Mill-Prim Ministru Abela

 L-Aġenzija DBRS Tilqa’ R-Riformi Mnedija Mill-Prim Ministru Abela

L-aġenzija internazzjonali tal-credit rating DBRS ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna fil-livell ta’ A (high) bi prospetti stabbli. Dan ifisser li pajjiżna baqa’ jgawdi l-aħjar rating li qatt ingħata minn din l-aġenzija.

Fir-rapport ta’ dawn l-esperti internazzjonali jispikka l-kumment li “the new administration led by Prime Minister Robert Abela has provided a new impetus to efforts to strengthen the rule of law”. Huma nnutaw il-kliem pożittiv li kellha l-Kummissjoni Venezja għas-sitt liġijiet li ġew illeġiżlati biex ikun hemm aktar separazzjoni ta’ poteri kif ukoll titjib fis-sistema ta’ ‘checks and balances’ fil-governanza ta’ pajjiżna. Ir-rapport tad-DBRS isostni li f’pajjiżna hawn “stable policy environment” u li meta jitqies il-kejl tal-governanza magħmul mill-Bank Dinji, Malta hi fil-medja Ewropea.

Fi stqarrija, il-Gvern innota li r-rapport ifaħħar ukoll il-ħidma ekonomika tal-gvern biex jilqa’ għall-effetti tal-pandemija. Fil-fatt l-esperti barranin jinnutaw li l-qgħad tista’ tgħid li baqa’ fl-istess livell baxx li kien hemm qabel bdiet l-imxija tal-coronavirus. L-iskema tal-wage supplement, skont DBRS, kienet essenzjali biex salvat l-impjiegi. Barra minn hekk jirriżulta li minkejja l-pandemija numru ta’ setturi f’pajjiżna, fosthom is-settur finanzjarju, dak tal-gaming u dak tal-informazzjoni u komunikazzjoni kibru b’rati qawwija.

Filwaqt li jirrimarkaw kemm hu qawwi s-sostenn li qiegħed jagħti l-gvern, u allura l-impatt ta’ dan fuq ir-rata ta’ dejn nazzjonali, l-esperti internazzjonali huma fiduċjużi fuq il-prospetti ta’ pajjiżna. Dan jirrifletti r-rata baxxa tal-piż tad-dejn li pajjiżna beda bih, frott l-għaqal tal-politika fiskali fi snin passati. Barra minn hekk it-‘track record’ tal-gvern, fi kliem id-DBRS “the fiscal prudence exhibited by Malta in the past”, jagħti fiduċja lill-istituzzjonijiet barranin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com