L-Aġenzija Kulturali Għall-Belt Valletta Tniedi L-Programm Kulturali Tagħha

 L-Aġenzija Kulturali Għall-Belt Valletta Tniedi L-Programm Kulturali Tagħha

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta nediet il-programm kulturali għal din is-sena minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-Covid-19.

Għal din is-sena, il-kollaborazzjonijiet se jkomplu u fil-ġimgħat li ġejjin se jsir kunċert ta’ Tatiana Lisnic, u prestazzjoni oħra ta’ Brian Schembri bħala parti mis-serje Beethoven at Home.

Ikompli wkoll il-proġett ta’ fotografija TNAX filwaqt li ser joħorġu numru ta’ sejħiet biex artisti minn ġeneri varji jerġgħu jkunu parti mill-Programm. Fi Frar, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ser terġa tniedi s-sejħa bħala parti mill-Programm tal-artisti f’residenza.

F’Marzu, Written on Skin, xogħol tal-kompożitur Ingliż George Benjamin li rebaħ unuri kbar, ser jiġi
eżegwit mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta flimkien ma’ ħames solisti internazzjonali, taħt id-
direzzjoni ta’ Lawrence Renes. Il-proġetti ta’ Strada Stretta Concept, li d-Direttur Artistiku tagħha huwa l-Profs. Giuseppe Schembri Bonaci ikomplu u fost l-oħrajn ser issir lejla ta’ mużika jazz mill-Kwartett ta’ Sammy
Murgo, u rappreżentazzjoni ta’ Le Pauvre Matelot mill-grupp teatrali Franċiż, Arcal Lyrique. Lejn l-aħħar ta’ Marzu u l-bidu ta’ April ser jittellà d-dramm Vari bbażat fuq in-novella ta’ Trevor Zahra.

https://www.facebook.com/414621545971712/videos/844872689391023

Fit-tnedija tal-programm ntqal kif minkejja li l-2020 kienet sena ta’ sfida għal kulħadd, in-nies gawdew dak kollu li għandha x’toffri l-Belt, inkluż il-Programm Kulturali tal-Aġenzija. L-Aġenzija tellgħet proġetti għal udjenzi ta’ daqs
medju kif ukoll attivitajiet intimi; proġetti li nkludew diskussjonijiet u masterclasses ma’ professuri u ismijiet kbar fil-qasam kulturali internazzjonali; wirjiet ta’ arti viżiva, films, mużika fil-miftuħ u attivitajiet għall-familja kollha fosthom il-Valletta Green Festival. L-Aġenzija kkollaborat ma’ numru ta’ entitajiet fosthom l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u ŻfinMalta, t-Teatru Manoel, Ċinerabilja, Muża, is-Suq tal-Belt, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Festivals Malta u numru ta’ organizzazzjonijiet artistiċi u individwi, fost l-oħrajn.

Fit-tnedija tal-programm kulturali għal din is-sena, il-Ministru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u l-Gvern Lokali Jose Herrera qal li l-Gvern jemmen li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta hija intrinsika għax-xoghol tal-artisti u hija importanti aktar minn qatt qabel. Qal li d-dinja tagħna, teħtieġ il-poter li għandha l-arti biex issib is-serħan u t-tama. L-arti tista’; tkun katalist f’din il-battalja importanti”.

Iċ-Ċermen tal-Aġenija Jason Micallef tenna li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tibqa’ tisħaq li l-kultura mhix lussu, imma neċessità. Dan il-programm ambizzjuż u eċċitanti huwa xhieda tal-impenn tagħna lejn l-arti u l-kultura. Sostna li b’ottimiżmu kbir, ninsabu ħerqana għal din is-sena li għadna kif bdejna”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Catherine Tabone saħqet, li matul is-sena li għaddiet, ir-rilevanza tal-arti saret tinħass ħafna aktar. Għall-2021, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed issaħħaħ ix-xogħol tagħha mal-artisti u mal-komunità biex tippreżenta programm b’saħħtu bis-sehem ta’ artisti Maltin u internazzjonali li jaħdmu flimkien f’xelta wiegħsa ta’ produzzjonijiet li joffru doża bżonnjuża ta’ kreattività f’dawn iż-żminijiet diffiċli”.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ser tkompli tibni fuq ix-xogħol li tellgħet matul l-aħħar sena u nofs, biex tipprovdi programm ieħor komprensiv, li jagħti valur akbar lill-kultura Maltija u jkompli jtejjeb il-benesseri tas-soċjetà.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tkompli tibni rapport mal-artisti filwaqt li tfassal il-Programm Kulturali tagħha, tipproduċi l-proġetti u tipprovdi opportunitajiet ta’ tkabbir. Fl-istess waqt, l-iżvilupp ekonomiku, xogħolijiet ta’ restawr u l-proġetti infrastrutturali, jkomplu jitwettqu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com