L-Inċidenti Bil-Karozza Tal-Linja Naqsu B’50% F’Sitt Snin
Il-kumpanija li tmexxi s-servizz tat-trasport pubbliku, il-Malta Public Transport ħabbret li kisbet iċ-ċertifikat għas-saħħa u s- sigurtà fuq il-post tax-xogħol mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandards.
Din iċ-ċertifikazzjoni tfisser li l-operatur tat-trasport pubbliku jilħaq kriterji internazzjonali stretti u jinvesti b’mod proattiv fi prattiċi tajbin biex jipproteġi l-impjegati u l-passiġġiera.
“Dan huwa suċċess importanti li jirrikonoxxi l-impenn kontinwu tagħna lejn il-ħarsien tal-impjegati u l-klijenti,” spjega Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport. “
Il-kumpanija qalet li l-miżuri effettivi li ddaħħlu mill-kumpanija fl-aħħar snin irnexxielhom inaqqsu l-inċidenti bin-nofs sa mill-2016. It-tnaqqis fl-inċidenti huwa konsistenti sena wara l-oħra, grazzi għall-istrateġija tal-kumpanija li tidentifika r-riskji u tindirizzahom minnufih.
Minkejja li l-pandemija kienet bla dubju fattur fit-tnaqqis fl-inċidenti matul is-sena li għaddiet, hekk kif l-attività kienet ridotta u naqsu wkoll il-karozzi fit-toroq, il-kumpanija rnexxielha tniżżel in-numru ta’ inċidenti kkawżati minn impjegati b’rata akbar fl-2020.