L-MEP Cyrus Engerer Jistieden Lill-MPE L-Oħra Jappoġġjaw Lill-Gvern Malti Biex Il-KE Tipprepara Għat-Tielet Doża Tal-Vaċċin
Illum wara nofsinhar il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Cyrus Engerer stieden lill-kollegi kollha tiegħu fil-Parlament Ewropew biex flimkien jiktbu lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von Der Leyen u lilll-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa biex jappoġġjaw is-sejħa li saret mill-Gvern Malti u oħrajn biex il-Kummissjoni Ewropea tibda tipprepara għall-provvista ta’ iktar dożi tal-vaċċin għall-kontra l-Covid19, fl-eventwalita’ li t-tielet doża tal-vaċċin tkun neċċessarja għall-immunita’.
“Il-kumpanija Moderna qalet li filwaqt li l-vaċċin tagħha jilqa’ mhux biss kontra l-virus Covid19 iżda wkoll kontra l-varjanti tal-virus misjuba s’issa, qiegħdha bħalissa tagħmel numru ta’ studji biex tikkonferma jekk it-tielet doża tal-vaċċin hux se tkun neċessarja għall-immunita’. Għaldaqstant, bħala Parlamentari Ewropej għandna ningħaqdu ma’ dawk il-pajjiżi li qegħdin jimbuttaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprepara minn issa għal din l-eventwalita’”, qal Engerer.
Cyrus Engerer spjega li hu kruċjali li l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jilħqu l-immunita’ mill-virus skont il-pjan maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea ftit tal-ġimgħat ilu. “Dan mhux biss kruċjali għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej biss, iżda hu importanti biex terġa tobda tqum l-ekonomija Ewropea u jiġu ssalvagwardjati x-xogħolijiet taċ-ċittadini Ewropej kollha.”
Fl-ittra tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea, Engerer ifakkar dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea taħdem b’unita’ u b’kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa u x-xiri ta’ vaċċini u mediċini biex ħadd ma jibqa’ lura. “Iċ-ċittadini Ewropej iridu li l-Unjoni Ewropea tkun maqgħuda f’kull kriżi u jridu Unjoni Ewropea maqgħuda fil-qasam tas-saħħa biex tipproteġi s-saħħa ta’ dawk kollha li jgħixu fiha, mingħajr ħadd ma jibqa’ lura minħabba l-qies tal-pajjiż li jkun jgħix fih,” sostna Engerer.
Cyrus Engerer ikkonkluda billi ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkun trasparenti fin-negozjati tagħha ma’ dawn il-kumpaniji u biex żżomm liċ-ċittadini infurmati dwar l-avvanzi li tkun qed tagħmel f’dan ir-rigward.