Alex Agius Saliba Jitlob Għall-Protezzjoni Tal-Konsumaturi Miċ-Ċekkijiet Ta’ Rifużjoni Diskriminatorji Tar-Ryanair
Il-MPE Alex Agius Saliba talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproteġi lill-konsumaturi u tinvestiga ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni dubjużi ta’ Ryanair li se jippenalizzaw inġustament lill-konsumaturi b’tariffi eċċessivi li jimminaw id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE.
Il-MPE tal-Partit Laburista spjega li l-klijenti ta’ Ryanair li bbukkjaw il-biljetti permezz ta’ aġenti tal-ivvjaġġar jew permezz ta’ siti onlajn ta’ kumpaniji terzi, qed jingħataw ċekkijiet ta’ rifużjoni li għalihom jistgħu jiffaċċjaw tariffi sa €100. Il-kumpanija tal-linja tal-ajru bi prezzijiet baxxi kienet ħarġet iċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni lil persuni li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati matul il-pandemija tas-sena l-oħra u matul il-miżuri ta’ restrizzjonijiet. Il-konsumaturi jistgħu jsarrfu ċ-ċekkijiet minn banek Ġermaniżi biss, li qed jirriżulta fi spiża ogħla jew inkella fi spiża li tammonta għal persentaġġ sostanzjali tar-rifużjoni.
“Nemmen li l-użu ta’ banek Ġermaniżi li jistgħu jimponu tariffi sa €100 għar-rifużjoni tal-kumpens mir-Ryanair huma prattiċi eċċessivi, abbużivi u diskriminatorji li m’għandhomx ikunu permessi. Dan speċjalment minħabba li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet it-tariffi li jitħallsu jkunu ogħla mill-prezz tar-rifużjoni u joħolqu diżinċentivi għan-nies biex jieħdu flushom lura.” qal il-MPE.
“Żmien ta’ kriżi għandu jkun żmien meta l-konsumaturi għandhom ikunu l-aktar protetti, mhux opportunità li jiġu mminati d-drittijiet tal-konsumatur u tiġi pperikolata s-sikurezza tagħhom. Nifhem il-pressjoni li bħalissa l-kumpaniji kollha jinsabu taħtha u li jeħtieġ li jkun hemm ċertu grad ta’ flessibbiltà. Madankollu, dan ma jagħtix l-awtorità lill-kumpanija Ryanair biex twarrab id-drittijiet tal-klijenti tagħha u ddgħajjef il-protezzjoni tal-konsumatur.”
Fil-mistoqsijiet Parlamentari tiegħu, il-MPE Agius Saliba staqsa jekk il-prattiċi humiex illegali u jekk imorrux kontra l-ispirtu tal-liġi Ewropea u appella lill-Kummissjoni biex tipprojbixxi tali sfruttament tal-konsumaturi li qed iħallsu tariffi inġusti biex isarrfu ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tagħhom.