Luxol Futsal Fiċ-‘Champions League’ Is-Sibt

 Luxol Futsal Fiċ-‘Champions League’ Is-Sibt

Is-Sibt Luxol St Andrews Futsal Club jilagħbu fil-Main Round tal-UEFA Futsal Champions League.

L-ewwel darba li pajjiżna se jospita partita ta’ dan il-kobor fuq livell ta’ klabbs, il-logħba ser tintlgħab fil-padiljun tal-Universita ta’ Malta li laħaq il-kriterji kollha tal-UEFA fejn tidħol loġistika, li tfittex kull dettal f’elenku rigoruż li l-klabb ospitu ikun irid jissodisfa.

Luxol sabu l-għajnuna kollha min-naħa tal-MaltaFA għaliex wieħed jifhem li biex torganizza l-logħba ta’ dan il-kobor mhuwiex faċli.

Il-Main Round tal-UEFA Futsal Champions League jara l-aqwa 32 tim fl-Ewropa jissieltu għal post mal-aħħar sittax f’dak imsejjaħ l-Elite Round.

Għal Luxol huwa diffiċli iżda mhux impossibli, jekk jirbħu s-Sibt tkun l-ewwel darba li klabb Malti jgħaddi għal mal-aħħar sittax tal-kompetizzjoni.

Fl-aħħar snin f’dan il-livell il-Vjola ġew eliminati darbtejn, f’Deva fl-2017, Praga sentejn wara, fi gruppi ferm diffiċli.

Issa minħabba l-pandemija logħba waħda tiddeċiedi d-destin, kif ġara fil-Fażi Preliminari meta ċ-Champions Maltin għelbu lill-Awstrijaċi Allstars 6-2 f’Novembru li għadda biex qatgħu l-passaġġ għal din il-fażi.

Il-kowċ tat-tim Gabriel Dobre wera fiduċja li t-tim jaqta’ figura tajba minkejja l-qawwa tal-oppożizzjoni, “għandha l-opportunita li jek nagħtu l-110% nilħqu l-mira tagħna.

“Ninsabu preparati, l-avversarji huma iebsin, iżda nistgħu nemmnu li tista tkun il-ġurnata tagħna”, għalaq Dobre.

Il-captain tat-tim Mark Zammit semma l-preparamenti rigorużi tal-aħħar jiem.

“Irridu naċċertaw li nkunu perfetti f’kull ma’ nagħmlu, żbalji mill-inqas kontra qawwa bħal dawn is-Sloveni fil-livell ta’ Benfica u Barcelona, imma ma rridux naqtgħu qalbna, lesti, determinati għat-taqtiegħa”, kompla Zammit.

Sadanittant fl-aħħar jiem wasal il-Brażiljan Beto, player t’esperjenza kbira li ġie akkwistat grazzi għall-kuntatti li għandu barra l-pajjiż m’esponenti tal-Futsal id-Direttur Tekniku tal-klabb Nathaniel Jones.

Il-goalkeeper numru wieħed tan-Norveġja Kenito Rakvaag, ir-Rumen Emil Raducu u Celino Alves huma fost l-aktar players validi u ta’ valur f’dan it-tim.

Skwadra Luxol għal-logħba tas-Sibt :- Kenito Rakvaag, Dragan Obradovic, Andy Mangion, Giancarlo Sammut, Mark Zammit (c), Emil Andrei Raducu, Everton Veve, Leanderson Sant’anna, Maicon, Celino Alves, Beto, Marwan Telissi, Gia Nikvashvili, Evandro.

Match livestreamed on https://www.tvm.com.mt/mt

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com