MAFA Special League: Severino jwitti t-triq għar-rebħa Marsija

 MAFA Special League: Severino jwitti t-triq għar-rebħa Marsija

Ricardo Severino mexxa lit-tim tiegħu Marsa St Michael fit-triq tar-rebħ hekk kif skorja doppjetta kontra d-debuttanti Zejtun Laċċi fit-tieni ġurnata tal-MAFA Special League. Min-naħa l-oħra, Versity AFC u Valletta Stars ukoll setgħu jiċċelebraw l-ewwel tliet punti tal-istaġun b’rebħiet minimi izda prezzjuzi kontra l-avversarji rispettivi tagħhom.

Hekk kif 12-il tim kienu fl-azzjoni f’dawn l-ewwel rawnd ta’ partiti, wieħed jista’ jinnota l-livell għoli ta’ logħob li qed juru t-timijiet parteċipanti. F’din it-tieni ġurnata ta’ logħob mit-tliet gruppi differenti ġew skorjati 14-il gowl.

Kif għedna Marsa St Michael taw wirja mill-aqwa u għelbu lil Żejtun Laċċi bl-iskor ta’ 4-1 f’logħba valida minn Grupp C. Il-Marsin marru minn fuq wara żewġ minuti logħob hekk kif l-iskorer prolifiku Ricardo Severino sab ix-xibka mill-viċin. It-tim immexxi mill-kowċ il-ġdid Matthew Coleiro baqgħu jagħfsu u skorjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ David Azzopardi fit-13-il minuta u Davide Martini fil-25 minuta sabiex l-ewwel taqsima spiċċat 3-0 favurihom.

Fit-tieni taqsima, iż-Żwieten ħarġu tajjeb u naqqsu l-marġni tal-iskor b’xutt mid-distanza ta’ Louis Fabian Kyereneh. Minkejja kollox, Marsa kkontrollaw is-sitwazzjoni u skorjaw ir-raba’ gowl permezz ta’ Ricardo Severino. B’hekk Marsa St Michael laħqu lil Żebbuġ Youngsters fil-klassifika hekk kif kisbu t-tliet punti li kellhom bżonn. Il-logħba kienet ikkontrollata minn Lorry Sammut.

Versity AFC bdew l-impenji staġjonali tagħhom fi Grupp A bl-aħjar mod hekk kif għelbu lil Senglea Gunners bl-iskor ta’ 3-2. Kienu Senglea Gunners li marru fil-vantaġġ fil-11-il minuta permezz ta’ Simphiwe Nomfulana. Il-vantaġġ tat-tim mill-Isla dam biss żewġ minuti minħabba li l-Versity ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Louisin Gangliff. Dan il-gowl xpruna lil dawn tal-aħħar li skorjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ Alfonso Martinez u xutt spettakolari ta’ Abdi Ali Jamal. Minkejja dawn it-tliet gowls f’daqqa, il-Gunners baqgħu jattakkaw u fl-24 minuta reġgħu daħlu fil-logħba b’Simphiwe Nomfulana li reġa’ skorja sabiex jagħmilhom 3-2 liema riżultat kien dak finali. Il-partita kienet ikkontrollata minn CJ Saliba.

Finalment minn Grupp B, Valletta Stars għelbu lil Balzan Youths AFC 3-1. It-tim mill-belt kapitali kellhom diversi plejers ġodda fl-iskwadra u kienu effettivi ferm fl-attakki tagħhom tant li skorjaw tliet gowls fl-aktar ħinijiet kruċjali tal-logħba. Il-Beltin marru minn fuq fis-7 minuta permezz ta’ Isaac Bonello sabiex fil-21 minuta huma rduppjaw l-iskor grazzi għal Justin Felice.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 2-0, Balzan Youths ħarġu aggressivi fit-tieni taqsima u kien il-gowlkiper ta’ Valletta Stars li ddistingwa ruħu b’diversi saves. Fis-56 minuta, Hamza Camara niżżel ismu fost l-iskorers meta skorja mill-viċin wara kontrattakk veloċi. Balzan Youths naqsu l-marġni tal-iskor fit-72 minuta meta ngħataw penalty li ġie skorjat minn Shaun Matintela. Referi kien Slobodan Rangelov.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com