Mhux Ħati Li Seraq Il-Passaport Tal-Mara Biex Jagħtih Lis-Sieħba

 Mhux Ħati Li Seraq Il-Passaport Tal-Mara Biex Jagħtih Lis-Sieħba

Alturoqu Ali Mohammed, Libjan ta’ 39 sena ma nstabx ħati li seraq il-passaport ta’ martu biex is-sieħba tiegħu tkun tista’ tingħaqad miegħu u ma’ bintu għal btala fil-Belġju.

Huwa kellu l-btala tiegħu interrotta ħesrem wara li l-pulizija Belġjana ħabbtu fuq il-bieb tal-kamra tal-lukanda li kien fiha. Huwa ġie arrestat flimkien mal-għarusa teigħu wara li martu għamlet rapport lill-pulizija Maltija.

Hija marritlu l-għassa tal-Ħamrun fejn allegat li żewġha serqilha l-passoport qabel telaq mid-dar flimkien ma’ bintu.

Ir-raġel li wieġeb mhux ħati tal-akkużi, saħaq li s-sieħba tiegħu għenitu biss biex jibbukkja t-titjira għalih u għal bintu. Qal li kien biss dakinhar tat-titjira li l-mara, Doghmi Nezha, tfaċċat l-ajruport bil-bagalja f’idha, u qaltlu li kienet kienet se tingħaqad magħhom għall-btala.

Fil-qorti, is-sieħba tiegħu, ikkonfermat li kienet hi li serqet il-passaport ta’ martu mill-karozza tal-akkużat.

Irrakkontat li riedet tagħtih sorpriża billi bbukkjatlu btala mingħajr ma kien jaf. Dan billi użat il-karta tal-kreditu tiegħu li kien taha. Hija tatu s-sorpriża dakinhar tat-titjira.

Il-mara li qed tiskonta sentenza l-ħabs dwar dan il-każ, xehdet ukoll li kienet hi li bbukkjat il-kamra tal-lukanda minn fuq il-mobile tal-akkużat fejn spjegat li huwa ma kienx jaf għax la kien jaf jaqra u lanqas jifhem bl-Ingliż.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com