Miexi Sew Ix-Xogħol Fuq Il-Bini Ta’ Għassa Ġdida F’Wied Il-Għajn
Qabdu ritmu tajjeb ix-xogħlijiet fuq il-bini ta’ għassa ġdida f’Wied il-Għajn b’investiment kapitali ta’ madwar miljun ewro.
L-għassa li se tkun waħda ta’ livell għoli se tkun mgħammra bl-aħħar teknoloġija u anke bi spazju maħsub għall-pulizija tal-komunità.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fisser dan l-investiment bħala opportunità biex l-għassa tinbena skont il-ħtiġijiet tal-Korp.
“Il-politika tagħna dwar il-pulizija hi dik ta’ iktar pulizija fit-triq u nemmen li dan qed jinħass. Iżda fl-istess ħin irridu li l-għases ewlenin ikunu mgħammra kif xieraq biex jingħata l-aqwa servizz għaċ-ċittadin,” qal il-Ministru Camilleri.
Bħala parti mill-miżuri tal-baġit, din is-sena se jibda x-xogħol fuq r-rinovar tal-għases fil-Ħamrun u l-Msida filwaqt li s-servizz tal-community policing se jiġi estiż f’numru ta’ lokalitajiet oħra.
Waqt iż-żjara kien preżenti wkoll il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa, u tkellem dwar kif il-Korp tal-Pulizija qed jinvesti biex jassigura li jkun mgħammar bl-aqwa riżorsi possibbli.