Organizzat Ir-Raba Rawnd tal-Kampjonat Motocross F’Għawdex
Il-Gozo Motocross Association organizzat ir-raba’ rawnd tal-Kampjonat nhar il-Ħadd.
F’Klassi A Steve Xuereb dahal fl-ewwel post u kien segwit minn Mario Cauchi. David Dimech spiċċa fit-tielet post. F’klassi B, Jorn Stellini fuq il-mutur tiegħu akkwista l-punti massimi filwaqt li Robert Spiteri dahal fit-tieni post.
F’Klassi Ċ, iż-żagħżugħ Mark Camilleri rnexxielu jegħleb lil Jurgen Attard li qiegħed fil-quċċata tal-klassifika preżenti. Camilleri akkwista 55 punt filwaqt li Attard kiseb 51 punt. Warajhom daħal is-sewwieq Malti William Sant.
F’Klassi D, Luke Caruana daħal fl-ewwel post segwit mis-sewwieq żagħżugħ Malti Mark Tanti. Il-veteran Scott Donavan dahal fit-tielet post.
Din kienet ġurnata speċjali hekk kif saru l-ewwel tlielaq tat-tfal fit-trakka Ta’ Xħajma. Erba’ subien u erba’ bniet ipparteċipaw f’serje tat-tlielaq li saru apposta. L-eta’ tat-tfal kienet bejn is-6 u l-10 snin. Is-sewwieqa taw wirja mill-isbaħ hekk kif l-entuzjazmu u l-eċitament kien ferm evidenti fuq l-uċuħ kemm tat-tfal partecipi kif ukoll dawk li kienu qed isegwu. It-tfal ingħataw tifkira tal-okkażjoni.
Fit-tmiem il-kompetizzjonijiet, is-sur Frank Xuereb President tal-ghaqda u Anthony Xuereb, qassmu trofej lir-rebbieha kollha.
Ritratt: Liliana Xuereb