“Qed Ngħix Ma’ Aktar Minn 400 Persuna… Jekk Inkun Dgħajjef Jien, Kulħadd Jittieħed U Jitkaxkar!”
Il-kap ta’ dik li hija magħrufa bħala l-‘Happy School’; Lelio Spiteri qasam ħsieb dwar dak li lkoll għaddejjin minnu bħalissa.
Tenna kif malli fetaħ għajnejh u kien għadu d-dlam, sema’ r-riħ ivenven bi sfond ta’ sħab iswed.
“Tisma’ u taqra l-aħbarijiet tħossok taqta’ qalbek, iċċedi l-armi. L-egoiżmu u l-injoranza? Iċ-ċirasa fuq il-kejk.” Kompla jispjega kif bħalissa qed jgħix ma’ ammont kbir ta’ nies; l-istudenti: “U nerġa’ nieqaf, nirrifletti, naħseb. Qed ngħix ma’ aktar minn 400 persuna iżjed minn sitt sigħat kuljum. Jekk ser inkun dgħajjef jien, allura probabli kulħadd ser jittieħed u jitkaxkar. Iżda le!”
Minflok, Lelio jagħżel li jieħu t-triq tal-kuraġġ, jaffronta s-sitwazzjoni bi tbissima u b’enerġija pożittiva kif ukoll b’tama qawwija li għada jum ġdid.
“Wara dan is-sħab oħxon, hemm ix-xemx ħanina, sabiħa li għada jew pitgħada ser tfiġġ minn wara l-iswed u l-griż u ser tisreġ, iddawwal, issaħħan. Ngħix illum b’fiduċja sħiħa fil-Ħallieq li għada ser jisbaħ. Il-ġurnata t-tajba lilek.”, temm jgħid Lelio.
Messaġġ qawwi ta’ kuraġġ, prosit Lelio.