Restawrata l-Mitħna tax-Xewkija U Tinfetaħ Għall-Pubbliku

 Restawrata l-Mitħna tax-Xewkija U Tinfetaħ Għall-Pubbliku

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, inawgura x-xogħlijiet ta’ restawr li saru fuq il-Mitħna tax-Xewkija. Dawn ix-xogħlijiet, b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro, €500,000, il-parti l-kbira tagħhom fondi Ewropej, inkludew fost l-oħrajn restawr estensiv tal-mitħna kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa.

Il-Ministru għal Għawdex qal li, “Il-proġetti importanti mhumiex biss dawk tal-infrastruttura tat-toroq imma wkoll dawk li permezz tagħhom nirrestawraw u nieħdu ħsieb il-wirt u l-patrimonju kulturali tagħna. Dak li ħallewlna missirijietna u dak li jagħmilna min aħna llum”.

Apparti x-xogħol ta’ restawr, fil-mitħna nbnew faċilitajiet sanitarji ġodda, ġie mgħoddi l-elettriku, l-ilma u l-inġinerija li kien hemm bżonn filwaqt li ntużaw il-fili eżistenti u għodod adattati sabiex dan ix-xogħol isir mingħajr ma sseħħ l-ebda ħsara fuq l-istruttura tal-mitħna. Bl-assistenza ta’ Heritage Malta u ta’ professjonisti oħra tpoġġew ukoll affarijiet li huma assoċjati ma’ mitħna, fosthom il-pinnur, id-delujiet, il-buttun u aċċessorji żgħar oħra. Inħadem ukoll il-makkinarju kollu mill-ġdid peress li dak originali kien inħaraq fl-għoxrinijiet.

Intant, fil-mitħna, li issa tinsab fil-glorja tagħha wara snin ta’ telqa, reġgħu tpoġġew il-ġebel tat-tħin u aperturi ġodda fuq stil li jaqbel ma’ dak oriġinali skont l-epoka.

Il-Ministru Camilleri spjega li, “Il-mitħna se tkun qed tintuża anke bħala hub fejn isiru attivitajiet folkloristiċi bħal żfin u daqq folkloristiku u anke xi taħditiet interessanti u edukattivi kemm dwar il-mitħna u kif ukoll dwar l-istorja interessanti tagħha li tirrifletti fuq kif kienu jgħixu missirijietna u l-folklor li jiġbor fi ħdanu l-ġrajja u l-istorja mqanqla ta’ din il-mitħna li hija tant għal qalb l-Għawdxin”. Il-ministru rringrazzja lil kull min ta sehmu f’dan il-proġett fosthom id-diretturi, il-project manager, il-ħaddiema tal-gvern u l-mastrudaxxi Għawdxin kif ukoll Wirt Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li r-restawr ta’ din il-mitħna, permezz ta’ fondi Ewropej, se tkompli ssaħħaħ il-wirt kulturali Għawdxi biex il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jkunu jistgħu japprezzaw il-wirt storiku li ħallewlna ta’ qabilna.

Spjega li dan is-sit se jkun qed iservi wkoll ta’ attrazzjoni turistika u kulturali peress li l-mitħna hija prova ħajja ta’ kif kienu jgħixu l-l-Għawdxin fiż-żminijiet imgħoddija tal-1700. Din hija opportunità oħra biex inkomplu nsaħħu s-settur turistiku fil-gżira Għawdxija. Fiż-żmien li ġej, il-gżira Għawdxija se tkompli tibbenefika minn aktar investiment grazzi għall-fondi Ewropej.

Ix-xogħol mill-isbaħ fuq il-mitħna, li ġie mfaħħar u rikonoxxut mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, issa jista’ jitgawda mill-viżitaturi mingħajr ħlas.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com