Ritratt Li Ittieħed Minn Modica Fi Sqallija Juri Ċ-Ċittadella, Ix-Xagħra u Ż-Żebbuġ Għawdex
Ftit tal-jiem ilu, il-fotografu Malti Daniel Cilia kkummissjona biċċa xogħol lill-ħabiba u kollega tiegħu Marcella Giulia Pace bħala parti minn proġett li qed jaħdem fuqu bħalissa. Għal dan il-proġett Pace kienet mitluba tiġbed ritratti tal-kosta kollha ta’ Għawdex u Malta.
Pace bagħtet ir-ritratti mingħajr editjar lil Cilia li mbagħad huwa uża sabiex ħoloq ritratt li huwa itwal minn 7 metri u għoli 40 ċentimetru.
Daniel Cilia tkellem ma’ Strada Rjali u qasam magħna ritratt li ħadet Marcella, minn ġewwa Modica fi Sqallija, li juri “ċ-Ċittadella fiċ-ċentru, ix-Xagħra fuq il-lemin u l-parti tal-lvant tar-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ fuq il-lemin”.
“Marcella kienet Modica (kif jidher fil-foreground) u użat lenti ta’ 900 mm fuq DSLR. Dan ir-ritratt ittieħed fid-19 ta’ Jannar 2021 fil-16:59:06″, qal Daniel Cilia ma’ Strada Rjali.
Ritratti li ttieħdu f’Malta minn Cilia fl-aħħar ġimgħat juru xeni mill-isbaħ ta’ Sqallija, u issa nistgħu nikkonfermaw li filwaqt li aħna naraw Sqallija, huma jarawna wkoll!