Robert Abela Jsostni Li Wasal Iż-Żmien Li Jinħoloq Ċertifikat Ewropew Tat-Tilqim
F’ittra lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li wasal iż-żmien li jinħoloq ċertifikat Ewropew tat-tilqim.
Dr Abela qal li ċertifikat tat-tilqim huwa għodda importanti għas-saħħa pubblika li jista’ jservi wkoll fil-kuntest kurrenti tal-pandemija kemm fuq livell nazzjonali u kemm fuq dak Ewropew.
Qal ukoll li din l-idea timmerita wkoll pjan koordinat biex tiffaċilita aħjar l-ivvjaġġar mentri tevita li jinħolqu aktar ostakli f’dak li għandu x’jaqsam ma’ moviment liberu ta’ persuni.
Il-Prim Ministru kiteb l-ittra qabel laqgħa importanti tal-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea li se ssir llum biex jiddiskutu kif se tkomplu l-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19 wara li diversi pajjiżi qed jaqgħu lura fit-tqassim tal-vaċċin waqt li l-Kummissjoni Ewropea triq li sas-sajf li ġej jkunu tlaqqmu 70% tal-adulti.
F’kummenti lill-midja internazzjonali il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-pjan hu li sal-aħħar ta’ Settembru pajjiżna jkun laqqam 70% tal-popolazzjoni.