Se Tinfetaħ L-iskema Biex Tħaddar Il-Faċċata Tad-Dar Jew Ta’ Binja B’Appartamenti

 Se Tinfetaħ L-iskema Biex Tħaddar Il-Faċċata Tad-Dar Jew Ta’ Binja B’Appartamenti

Ġimagħtejn oħra l-Awtorità tal-Ippjanar se tibda tilqa’ l-applikazzjonijiet ta’ dawk li jixtiequ jibbenefikaw mill-iskema ‘Green Your Building’ bil-għan li jħaddru l-faċċati tad-djar tagħhom.

L-iskema li għandha allokazzjoni ta’ €2 miljun tnediet mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, li spjega li din se tiffinanzja l-ispejjeż kollha biex isiru green facades, ġonna vertikali u retrofitting ta’ ‘front gardens’ eżistenti ta’ proprjetajiet privati f’żoni residenzjali. Qal li ħwienet u uffiċċji li diġà għandhom front gardens f’dawn iż-żoni wkoll jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema.

“Studji juru b’mod ċar li infrastruttura ħadra tista’ tnaqqas b’mod sostenibbli l-effetti ħżiena fuq l-ambjent li ġġib magħha l-urbanizzazzjoni ta’ żoni densament popolati u li twassal għal kwalità ta’ arja aħjar, immaniġġjar tal-ilma u protezzjoni tal-bijodiversità. It-tħaddir tal-ibliet u tal-irħula jgħin ukoll is-saħħa mentali u jħajjar lin-nies biex jimxu aktar”, qal il-Ministru.

Din l-iskema se tiftaħ nhar it-Tnejn 15 ta’ Frar u se tkun disponibbli fuq bażi ta’ first-come-first-served. It-talbiet għall-finanzjament iridu jsiru mill-periti permezz tal-online e-Application system tal-Awtorità.

L-Awtorità ppubblikat ukoll linji gwida biex tassisti lil dawk interessati fuq kwalunke kunsiderazzjonijiet li wieħed għandu jżomm f’moħħu qabel jissieħeb f’din l-iskema, xi pjanti jistgħu jintużaw u l-manteniment tagħhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com