Sitt Sewwieqa Jinqabdu Jsuqu Fis-Sakra F’Lejlet L-Ewwel Tas-Sena

 Sitt Sewwieqa Jinqabdu Jsuqu Fis-Sakra F’Lejlet L-Ewwel Tas-Sena

F’lejlet l-Ewwel tas-Sena, diversi taqsimiet fil-korp tal-pulizija waqqfu xejn inqas minn 520 sewwieq, fosthom sitt sewwieqa li nstab li kienu qed isuqu taħt l-influwenza tax-xorb b’rabta ma’ ksur ta’ diversi regolamenti tat-traffiku.

Stqarrija tal-pulizija qalet li dawn is-sewwieqa ġew imħarrka waqt spezzjonijiet li kienu qed isiru minn membri mis-Sezzjoni tat-Traffiku flimkien mal-Pulizija tad-Distretti, tar-Rapid Intervention Unit (RIU), tal-Environmental Protection Unit (EPU) u sezzjonijiet oħra, bħala parti mill-ħidma kontinwa tal-pulizija fejn tidħol is-sigurtà fit-toroq Maltin.

Tul dawn il-kontrolli, il-pulizija ħarrku diversi persuni minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku li jinkludu sewqan mingħajr liċenzja valida, użu ta’ vettura mingħajr iċ-ċintorin tas-sigurtà, sewqan ta’ vettura mingħajr liċenzja valida tat-triq u polza tal-assigurazzjoni, vettura li kienet qed tinstaq b’numri tar-reġistrazzjoni neqsin u dawl mhux skond il-liġi, fost diversi ksur ta’ regolamenti oħra.

Il-Pulizija qalet li waqt dawn l-ispezzjonijiet, 6 persuni nstabu li kienu qegħdin isuqu taħt l-effett tal-alkoħol, filwaqt li persuna oħra rriffjutat li tagħmel it-test tal-kampjun tan-nifs (breathalyzer) u għalhekk ma tħallitx issuq.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com