Stħarriġ Ta’ Vincent Marmara Juri Distakk Ta’ 19.5% Bejn Robert Abela U Bernard Grech
Ir-riżultati ta’ stħarriġ politiku ta’ Vincent Marmara li sar fost 600 persuna bejn il-25 u 28 ta’ Jannar ġew ippubblikati illum fuq il-gazzetta It-Torċa.
Minn dan l-istħarriġ jidher li l-Prim Ministru jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-elettorat hekk kif 52.7% wieġbu li jħossu li Robert Abela huwa l-aħjar mexxej għall-pajjiż, filwaqt li 33.2% qalu li Bernard Grech huwa l-aħjar biex immexxi l-pajjiżna.
Fost il-votanti li vvutaw għall-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, 88.8% qalu li jafdaw l-aktar lil Robert Abela, filwaqt li 1.5% qalu li jafdaw lil Bernard Grech, 8.6% ma wieġbux jew qalu li ma jafdaw lil ħadd u 1% wieġbu ‘oħrajn’.
Fost il-votanti li vvutaw għall-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali 77.5% qalu li jafdaw l-aktar lil Bernard Grech, filwaqt li 3.3% qalu li jafdaw lil Robert Abela, 15.9% ma wieġbux jew qalu li ma jafdaw lil ħadd u 3.3% wieġbu ‘oħrajn’.
Meta ġew mistoqsija lil liema partit jivvutaw kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, 55.5% għażlu lil PL, 42% għażlu lil PN u 2.5% qalu ‘oħrajn’.
Vincent Marmara qal li dan l-istħarriġ joffri livell ta’ kunfidenza ta’ 95% u margin of error ta’ +/-4%.