Titjira Lura Malta Wara Li Passiġġiera Ma Riditx Tibqa’ Bil-Maskra
Freya Angelolva Moutafova, tfajla Taljana ta’ 24 sena u li toqgħod il-Bulgarija ġiet arrestata wara li fl-aħħar sigħat irrifjutat li tibqa’ bil-maskla fuq l-ajruplan. Dan wassal biex it-titjira tal-Air Malta lejn Sqallija kellha tiġi lura lejn Malta.
Fil-qorti ngħad li t-Taljana telgħet fuq l-ajruplan għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu. Ingħad li ftit wara t-tluq, it-tfajla ħaditha mal-ekwipaġġ tal-Air Malta li bdew jisħqu magħha li kellha tibqa’ bil-maskra t-titjira kollha.
Madankollu, it-tfajla rrifjutat li tagħmel dan minkejja li ġiet imwissija bir-riskji fuq saħħet il-passiġġieri l-oħra abbord l-ajruplan.
Konsegwenza ta’ dan, il-kaptan iddeċieda li jdawwar ir-rotta lura lejn Malta u informa lill-pulizija.
Il-passiġġiera ttieħdet direttament lejn il-qorti fejn ammettiet li m’obdietx l-istruzzjonijiet li ngħatawlha.
Hija ġiet ikkundannata sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wissiet lil mara fejn sostniet li l-imġiba tagħha poġġa riskju fuq saħħet il-passiġġieri u l-ekwipaġġ u ma setgħetx tiġi ttollerata.