“Tmorrux Warajhom, Agħmlu Pjaċir Lilkom Infuskom” – L-Isqof Dwar Gruppi Li Jallegaw Li Tkellimhom Il-Madonna Fost Affarijiet Oħrajn
Mark Laurence Zammit, waqt il-programm l-Erbgħa Fost il-Ġimgħa, lbieraħ intervista lill-mexxejja tal-komunità Ġesu Salvatur u mexxa diskussjoni bejn dawn l-istess mexxejja, il-psikologa Prof Mary Anne Lauri u Antonella Rogers, persuna omosesswali li kellha kanċer u li hija bint mara li kienet tattendi din il-komunità.
Dan il-programm sar wara li l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d‑Djoċesi ta’ Għawdex ħarġu digriet sabiex jikkonfermaw id-deċiżjoni li jiddiżassoċjaw ruħhom mill‑Komunità Ġesù Salvatur. Il-Knisja qalet li f’ħames xhur ta’ investigazzjoni ġie osservat li fil‑Komunità Ġesù Salvatur hemm għarfien żbaljat u mħawwad tat‑tagħlim tal‑Knisja, interpretazzjoni ħażina ta’ siltiet mill‑Iskrittura, u atteġġjament li jweġġa’ lil persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ sfida fil‑ħajja.
Waqt dan il-programm intweriet silta minn omelija li għamel l-Arċisqof ta’ Malta ftit qabel ħareġ dan id-digriet, fejn appella sabiex noqgħodu attenti ma’ liema komunitajiet ningħaqdu u sabiex ma nemmnux dak kollu li nisimgħu. Huwa ma għamilx referenza diretta għall-Komunità Ġesu Salvatur, iżda wera li ma jaqbilx mal-prattiċi li allegatament jsiru f’din il-komunità.
“Il-Mulej jinsisti ħafna li l-miġja tiegħu nindunaw li waslet meta tasal […] żgur li mhux se jkollna dubji fuqha. Għalhekk min iwiegħdna ħafna affarijiet, ‘idħol magħna u ssalva żgur… idħol magħna u tara’ l-Alla u l-Madonna’, u ħafna nies li joħolqu gruppi magħhom għax minalihom li qed tkellimhom il-Madonna jew qed tkellimhom il-qalb ta’ Ġesu. Tmorrux warajhom, agħmlu pjaċir lilkom infuskom. Min ikellmu Ġesu jirrepeti l-Evanġelju, għax dak kollu li ried jgħidilna Ġesu qiegħed fil-Kotba Mqaddsa. M’hemmx għalfejn jidher xi ħadd bravu quddiemna u jkellimna f’isem l-Imgħallem.” – L-Arċisqof ta’ Malta