Tyto u Alba – L-ewwel Par Imlaqqa’ Mill-proġett Tal-Barbaġann Fil-Buskett
Tyto u Alba huwa l-ewwel par imlaqqa’ mill-proġett tal-Barbaġan li tnieda fl-aħħar xhur fil-Buskett.
Il-kordinatur tal-proġett Lucas Micallef qal li dan huwa pass ferm importanti għal bijodiversita’ ta pajjiżna.
Qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed isegwu l-atteġġjament ta’ Tyto u Alba u qed iħarsu ’l quddiem għal riżultati pożżitivi ta’ tnissil u b’hekk nerġgħu naraw il-barbaġan jirritorna fis-selvaġġ.
Waqt żjara fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ħabbar li b’dan l-iżvilupp, il-proġett se jidħol fit-tielet fażi tiegħu.
Qal li dan kien pass importanti f’proġett favur il-bijodiversità ta’ pajjiżna hekk kif dan l-ispeċi se jerġa jiġi introdott fis-salvaġġ permezz ta’ inizjattiva mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).
Huwa ħabbar ukoll li se tkun qed tiżdied is-sigurtà fl-inħawi tar-Razzett fil-Buskett permezz ta’ investiment mill-ministeru f’cameras tas-sigurta’.
Sostna li dan l-investiment se jiżgura li mhux biss jiġi protett il-Razzett u t-tajr iżda wkoll jagħmel iż-żona tal-Buskett aktar sigura u jipprevjeni reati u inċidenti bħal rimi ta’ skart, serq, nirien, u vandaliżmu.