Uffiċjali: Il-Knisja Tiddiżassoċja Ruħha Mill-Komunità Ġesù Salvatur

 Uffiċjali: Il-Knisja Tiddiżassoċja Ruħha Mill-Komunità Ġesù Salvatur

L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u d‑Djoċesi ta’ Għawdex f’digriet maħruġ illum ikkonfermaw id-deċiżjoni li jiddiżassoċjaw ruħhom mill‑Komunità Ġesù Salvatur.

Dan wara li kummissjoni mwaqqfa mill‑Knisja semgħet l‑esperjenzi tal‑persuni kollha li xtaqu jiltaqgħu magħha, inkluż il‑mexxejja tal‑Komunità.

Il-Knisja qalet li f’ħames xhur ta’ investigazzjoni ġie osservat li fil‑Komunità Ġesù Salvatur hemm għarfien żbaljat u mħawwad tat‑tagħlim tal‑Knisja, interpretazzjoni ħażina ta’ siltiet mill‑Iskrittura, u atteġġjament li jweġġa’ lil persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ sfida fil‑ħajja.

Il‑kummissjoni tal‑Knisja kkonkludiet li rrispettivament mill‑ġid spiritwali li seta’ ħareġ mill‑Komunità tul is‑snin, dan qatt ma jista’ jiġġustifika l‑abbuż psikoloġiku u spiritwali li allegatament seħħ fil‑kuntest ta’ din il‑komunità.

Bil‑għajnuna ta’ għadd ta’ esperti, ġie kkonfermat li l‑Komunità Ġesù Salvatur turi l‑karatteristiċi soċjoloġiċi ta’ komunità magħluqa u riġida li tikkaġuna ħsara lil bosta persuni, minkejja li l‑intenzjonijiet ta’ xi wħud li ssieħbu fil‑komunità kienu tajbin.

Għaldaqstant, permezz ta’ digriet maħruġ mill‑Konferenza Episkopali Maltija, l‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex iddeċidew li s‑saċerdoti u r‑reliġjużi m’għandhomx jieħdu sehem f’laqgħat organizzati mill‑Komunità Ġesù Salvatur; li laqgħat bħal dawn ma jistgħux isiru fi Knejjes jew Kappelli jew kwalunkwe proprjetà li tappartjeni lill‑Arċidjoċesi ta’ Malta, lid‑Djoċesi ta’ Għawdex, lill‑ordnijiet reliġjużi u assoċjazzjonijiet ekkleżjali tal‑lajċi; u li l‑lajċi m’għandhomx jattendu l‑attivitajiet organizzati minn din il‑komunità.

Il‑Knisja qalet li qed toffri servizz ta’ sapport mingħajr ħlas minn professjonisti għal dawk li kienu jipparteċipaw f’din il-komunita’.

Dawk li jixtiequ din l‑għajnuna jistgħu jċemplu fuq il‑helpline 25906510 (waqt il‑ħinijiet tal‑uffiċċju) jew jibagħtu imejl fuq [email protected].

Il‑kummissjoni tal‑Knisja kienet immexxija minn Mons. Hector Scerri, teologu u President tal‑Kummissjoni Dottrinali tal‑Konferenza Episkopali Maltija.

Segwi d-deċiżjoni tal-Knisja f’dan il-Filmat.

https://www.facebook.com/watch/?v=234494901388936

F’Ottubru fil-programm fuq TVM l-Erbgħa Fost il-Ġimgħa kienet saret investigazzjoni ġurnalistika dwar din il-komunita’ u l-preżentatur Mark Laurence Zammit kien mar biex jieħu l-kummenti ta’ min imexxi din il-komunita’.

https://www.facebook.com/104094574785578/videos/1234390770280895

https://www.facebook.com/watch/?v=866322750865382

https://www.facebook.com/104094574785578/videos/325805978705232

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com