Urtati Wara Li NET TV Qata’ X-Xandira Waqt Li Delia Kien Qed Jippreżenta Donazzjoni
L-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista NET TV qata’ t-trasmissjoni tal-maratona ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar tal-Providenza waqt li l-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien wasal biex jagħti d-donazzjoni li ngħad li nġabret mill-ħbieb tiegħu. Aktar tard, Delia reġa’ mara d-Dar tal-Providenza u ppreżenta ċekk ta’ nofs miljun ewro f’isem il-kumpanija finanzjarja Catco li Delia huwa llum impjegat magħha.
Id-deċiżjoni tad-diriġenti tal-istazzjon li jaqtgħu x-xandira wasslet għal rabja kbira fost il-partitarji Nazzjonalisti b’mod partikolari dawk li għadhom jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Delia tant li fuq il-midja soċjali ma jiddejqu xejn jirreferu għalih bħala “Kap”.
Biex jintefa’ aktar melħ fuq il-ferita, it-tmexxija Nazzjonalista ddeċidiet li timla’ l-ħin bil-messaġġ li għadda l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida. Grech ma setax jattendi fiżikament għal din il-maratona peress li jinsab fi kwarantina.
Rapporti fil-midja staqsew jekk kienx is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech li ddeċieda li jwaqqaf ix-xandira meta Delia kien se jippreżenta d-donazzjoni tiegħu. Żied jingħad li meta Zammit Dimech ġie mgħarraf li Delia kien wasal id-Dar tal-Providenza biex jagħti d-donazzjoni tiegħu, Zammit Dimech telaq f’kemm trodd salib mill-post fejn kien.
Partitarji Nazzjonalisti kkundannaw id-deċiżjoni tat-tmexxija Nazzjonalista li taqta’ x-xandira u sostnew li dan mhux il-mod ta’ kif il-PN għandu jaġixxi fil-konfront tal-ex kap Nazzjonalista, jekk verament iridu l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa l-oħra partitarji li jappoġġjaw lil Grech, akkużaw lil Delia li pprova jisraq ix-xena u jieħu vantaġġ fuq il-fatt li Grech jinsab fi kwarantina.