Żewġt Irġiel Arrestati B’Rabta Ma’ Serqa Fuq Anzjan Fil-Marsa

 Żewġt Irġiel Arrestati B’Rabta Ma’ Serqa Fuq Anzjan Fil-Marsa

Żewġt irġiel,wieħed ta’ 42 sena li joqgħod il-Gżira u ieħor ta’ 33 sena li joqgħod Wied il-Għajn ilbieraħ filgħaxija ġew arrestati mill-pulizija b’rabta ma’ serqal li seħħet fuq anzjan nhar l-Ewwel tas-Sena.

L-anzjan ta’ 67 sena kien aggredit għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu, waqt li kien miexi fi Triq is-Salib tal-Marsa, Marsa.

Waqt li ngħata daqqiet ta’ sieq, l-anzjan spiċċa fl-art, biż-żewġ aggressuri serqulu l-mowbajl u ħarbu minn fuq il-post b’vettura. Ir-raġel ingħata kura medika għal ġrieħi ħfif.

Wara sigħat ta’ osservazzjoni b’informazzjoni dwar min setgħu kienu l-allegati agressuri, ilbieraħ, għad-disgħa ta’ filgħaxija pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri ċċirkondaw vettura, l-istess waħda li ntużat waqt is-serqa, fl-istess akwati ta’ Triq is-Salib tal-Marsa.

Fiha kien hemm iż-żewġt irġiel li huma ssuspettati ewlenin li wettqu s-serqa fl-ewwel jum tas-sena.

Iż-żewġt irġiel qegħdin jinżammu arrestati fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ u mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com