Athletics Malta Tilħaq Ftehimiet Internazzjonali

 Athletics Malta Tilħaq Ftehimiet Internazzjonali

Athletics Malta kkonkludiet żewġ ftehimiet internazzjonali importanti li se jiżguraw futur aktar b’saħħtu għall-isport f’Malta u aktar opportunitajiet għall-atleti Maltin barra l-pajjiż. Dawn il-ftehimiet intlaħqu waqt żjara minn delegazzjoni ta’ Athletics Malta mmexxija mill-President Andy Grech u mis-Segretarju-Ġenerali Aldrin Cassar f’Sofia bil-Bulgarija, fejn iltaqgħu ma’ uffiċjali għolja ta’ European Athletics u tal-Federazzjoni tal-Atletika tal-Balkani.

L-ewwel ftehim intlaħaq proprju mal-Federazzjoni Balkanika, li se jwassal biex Malta tkun nominata għal sħubija fl-istess organizzazzjoni. Dan il-ftehim intlaħaq mal-President interim ta’ European Athletics u tal-istess Federazzjoni Dobromir Karamarinov.

Dan se jwassal għal opportunitajiet notevoli għall-atleti Maltin biex jikkompetu fl-ogħla livelli fil-Balkani u jippermettilhom ukoll jipparteċipaw fi programmi edukattivi tal-aqwa kwalità. Min-naħa tagħha, Athletics Malta se tkun qed tagħmel pass ieħor lejn il-viżjioni tagħha biex tattira atleti ta’ kalibru għoli lejn xtutna, hekk kif atleti minn dawn il-pajjiżi, li se tradizzjonalment jiltaqgħu ma’ temperaturi kesħin ħafna, se jikkunsidraw li jitħarrġu f’Malta għall-kampijiet Xitwin tagħhom.

F’Sofia, l-uffiċjali Maltin iltaqgħu wkoll ma’ Jean Gracia, membru tal-kunsill ta’ European Athletics li jmexxi wkoll il-Kummissjoni għall-Iżvilupp tal-istess organizzazzjoni. Hawnhekk, id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-klima sportiva attwali f’pajjiżna, il-limitazzjonijiet u l-ambizzjonijiet ta’ Malta u l-għanijiet għas-snin ġejjin.

Wara ftehim milħuq f’Sofia, European Athletics (EA) tat l-approvazzjoni tagħha biex Malta tissħieb f’lista restritta ta’ ħames pajjiżi biex jitwaqqaf Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali, proġett ħolistiku li permezz tiegħu l-federazzjoni Ewropea se tappoġġja lill-Athletics Malta biex isaħħaħ l-istrutturi amministrattivi u tekniċi tagħha. Bil-ftehim, EA se tappoġġja wkoll lill-Malta biex issaħħaħ il-kompetittività tal-aqwa atleti Maltin, ir-rabtiet mal-komunità tal-atletika u l-ħidma fuq il-preżenza kummerċjali.

Fit-tmiem taż-żjara, il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-ftehimiet li ntlaħqu.

 

Ritratt: Athletics Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com