“Bla Karnival, Bla Saħħa “
Hekk stqarr Stiefnu De battista il-kordinatur ewlieni tal- kumpanija ‘Beqqu Stiefnu Carnival Company’ meta saqsejnieh fuq il-karnival ta’ din is-sena.
Stiefnu flimkien ma’ kuġinuh Paul, kordinatur ieħor f’din il-kumpanija, ilhom f’dan il-qasam għal bosta snin. Huma jaraw il-karnival bħala sors ta determinazzjoni u saħħa u lin-nies tal-kumpanija tagħhom, iqisuhom bħala t-tieni familja.
Fil-fatt wara s-suċċess tal-karnival tas-sena l-oħra, huma kienu mill-ewwel bdew jaħdmu għal karnival ta’ din is-sena. Iżda sfortunatament il-pandemija daħlet fin-nofs u l-kumpanija ta’ madwar 70 ruħ ftit li xejn setgħet tissokta x-xoghol bl-istess ritmu tas-snin ta’ qabel.
Però t-tama hija virtu setgħana u għad li fil-karnival kemmxejn ridott ta’ din is sena mhux se jieħdu sehem, huma diġà qed jaħdmu għas-sena d-dieħla. Sintendi l-ħidma qed issir fi gruppi ħafna iżgħar u b’miżuri kawti ferm.
Saħansitra l-maħżen fejn isiru l-karrijiet qed jiġi affumigat kull 15-il ġurnata, għax b’xorti tajba nstab benefattur biex din il-miżura ta’ prekawzzjoni sseħħ regolari ħafna.
Filwaqt li d-dieqa tan-nuqqas ta’ karrijiet kbar u jiċċaqalqu, mdawra b’żeffiena allegri tinħass, wieħed ma jistax jiċħad il-pożittività ta’ dan l-artist. Saħansitra l-innu tal-kumpanija jisħaq li huma jridu jferrħu lit-tfal u lill-anzjani.
Iżda l-ferħ iridu jwassluh mhux biss bil-karrijiet mixgħula u kostumi meraviljuzi iżda bi proġetti li jmissu l-qalb ukoll. Tant hu hekk li għandhom pjanati bosta affarijiet bħal żjarat fid-djar tal-anzjani u bini ta karrijiet minn materjali riċiklati wara tindif ta żoni pubbliċi.
Apparti minn hekk diġà għamlu avvenimenti ma’ tfal speċjali biex irawmu iktar il-kultura tal-karnival u jnisslu iktar imħabba għall-arti li jinvolvi dan ix-xogħol volontarjat. “Irridu nħallu mpatt socjali pożittiv warajna, mhux biss tul il- karnival” temm jgħid Stiefnu.
Minjaf li kieku kumpaniji hekk, li tant iferrħu Maltin u barranin, kbar u żgħar, jistgħux jiġu provduti xi lok fejn in-nies tkun tista tammirra l-karrijiet u ż-żfin tagħhom minn distanza adekwata f’karozza.
Kieku Corona virus jew le, żgur ma nerġgħux nitilfu karnival ieħor, u din il-festa kkulurita tkun tassew iktar aċċessibbli għal kulħadd. Viva il-Karnival.