Daphne Caruana Galizia Ħatja Ta’ Libell Fil-Konfront Ta’ Phyllis Muscat – “Ma Ħadet Ebda Kickbacks”
Il-werrieta tal-blogger assisinata Daphne Caruana Galizia ġew ikkundannati jħallsu €750 f’danni lill-ex Kap tat-Task Force taċ-CHOGM Phyllis Muscat wara li l-Qorti kkonkludiet li artiklu ppubblikat minn Caruana Galizia fit-3 ta’ Mejju tal-2017 kien malafamanti.
Il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq ikkonkludiet li l-artiklu taħt it-titlu “CHOGM 2015 task force led by PM’s friend Phyllis Muscat asked hotels for kickbacks on delegate bookings” kien malafamanti għax Muscat ma daħlet xejn fil-but tagħha u m’għamlet l-ebda gwadann personali fil-forma ta’ kummissjonijiet mil-lukandi li ospitaw il-parteċipanti fil-laqgħa taċ-CHOGM li seħħet f’Malta fl-2015 kif ġie allegat.
Il-Qorti qalet li l-allegazzjoni li t-Task Force inkluż il-Kap tagħha talab u rċieva kickbacks, bl-implikazzjoni li dawn għamlu hekk għall-gwadann personali tagħhom, hija allegazzjoni serja li bla dubbju xeħtet dawl ikrah fuq ir-reputazzjoni ta’ Muscat.
Qalet li l-mezz tal-pubblikazzjoni użat, jiġifieri blog li kienet popolari sew u moqri mhux biss f’pajjiżna iżda anke barra minn xtutna, ifisser illi l-pubblikazzjoni nxterdet mad-dinja kollha u għad tista’ tinqara sal-ġurnata tal-lum.
“Għalkemm kif ingħad l-intenzjoni tal-intimata (Caruana Galizia) ma kinetx li tgħid li Muscat daħħlet flus illeċiti fil-but tagħha, madanakollu meta kien ovvju li l-pubbliku kien qed jinterpreta l-istorja b’dak il-mod (ara f’dan is-sens il-kummenti ppubblikati taħt l-istorja nnifisha), hija (DCG) m’għamlet xejn sabiex tikkjarifika dan il-punt.
“Kien biss meta Peter Caruana Galizia u Matthew Caruana Galizia ppreżentaw l-affidavits tagħhom, iżjed minn sentejn wara l-ftuħ tal-kawża, illi ġie ċċarat darba għal dejjem illi ħadd ma kien qed jallega li Muscat kienet ibbenefikat personalment mill-kickbacks in kwistjoni”, innotat il-Qorti fil-kunsiderazzjonijiet tagħha.
Il-Qorti żiedet tgħid li dan qaluhx biss illum il-familja ta’ Caruana Galizia, iżda ġie pprovat ukoll b’mod sodisfaċenti mir-rappreżentanti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li ttellgħu jixhdu.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti kkonkludiet li Muscat ma daħlet xejn b’mod illeċiti u għalhekk, il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia kient malafamanti.