Engerer Maħtur Bħala N-Negozjatur Ewlieni Tas-Soċjalisti Dwar Riżoluzzjoni Storika Fuq Il-Persuni LBTIQ
Il-MPE Malti Cyrus Engerer inħatar bħala n-negozjatur ewlieni tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi dwar riżoluzzjoni storika li tiddikjara l-Unjoni Ewropea kollha bħala żona ta’ libertà għall-persuni LGBTIQ.
Ir-riżoluzzjoni ġiet wara l-kontroversji li nqalgħu f’aktar minn 100 muniċipalità madwar il-Polonja, u aktar reċentement fl-Ungerija, fejn dawn il-pajjiżi ddikjaraw lilhom infushom ħielsa mill-hekk imsejħa “ideoloġija LGBTIQ” jew adottaw “Charters Reġjonali għad-Drittijiet tal-Familja”, li jiddiskriminaw b’mod partikolari kontra n-nisa, ‘single-parents’ u familji LGBTIQ.
“B’din ir-riżoluzzjoni l-Parlament Ewropew jibgħat messaġġ ċar u qawwi. Il-persuni LGBTIQ mhumiex ideoloġija. Aħna nies bi drittijiet fundamentali u ħadd, lanqas Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ma jista’ jcaħħadna minn dawn id-drittijiet.”
Il-miżuri fil-Polonja u l-Ungerija jitolbu lill-gvernijiet lokali biex iżommu lura milli jieħdu kwalunkwe azzjoni biex jinkoraġġixxu t-tolleranza ta’ persuni LGBTIQ jew jipprovdu kwalunkwe finanzjament lil NGOs li jaħdmu biex jippromwovu drittijiet ugwali jew l-edukazzjoni fuq miżuri kontra d-diskriminazzjoni jew li b’xi mod ieħor biex jappoġġjaw persuni LGBTIQ.
“Id-diskirminazzjoni li persuni LGBTIQ jaffaċċjaw f’numru ta’ Stati Membri mhux kwistjon ta’ dak il-pajjiż partikolari biss. Hi kwistjoni Ewropea għaliex tmur kontra iċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tqanqal il-biża’ f’sezzjoni tal-poplazzjoni u tmur kontra l-prinċipju taċ-ċaqliq ħieles ta’ persuni fl-Unjoni Ewropea = priniċpju bażiku li fuqu mibnijha l-Unjoni Ewropea. Id-diverista’ u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huma valuri fundamentali Ewropej,” qal Engerer.
“L-istituzzjonijiet Ewropej ma jistgħux ikomplu jgħalqu għajnejhom għal mod attroċi li qegħdin jiġu ttrattati bih perusni LGBTIQ mill-Prim Ministru tal-EPP Victor Orban fl-Ungerija u mill-Gvern Pollakk tal-PiS. L-Unjoni Ewropea ma tistgħax tittollera il-politika ta’ mibgħeda li dawn il-Gvernijiet qed imexxu biha,” saħaq Engerer.
Engerer ikkonkluda billi qal li hu ta unur u privileġġ li ġie magħżul mis-Soċjalisti għal din il-ħidma storika, tlett xhur wara li ġie elett fil-Parlament Ewropew. “Dak li għamilna Malta matul dawn l-aħħar snin, issa jrid jiġi estiż mal-kumplament tal-Unjoni Ewropea,” ikkonkluda Engerer.
Cyrus Engerer huwa Membru tal-Grupp Progressiv tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew. Fost oħrajn, huwa jsegwi l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u huwa membru attiv tal-LGBTI Intergroup tal-Parlament Ewropew. Huwa serva bħala l-ewwel Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv Malti LGBTIQ li rriforma l-libertajiet ċivili u d-drittijiet tal-bniedem f’Malta.