Erbgħa mixlija bid-delitti ta’ Carmel Chircop u Daphne Caruana Galizia
Tard l-Erbgħa filgħaxija l-Qorti fetħet b’urġenza biex tressqu erba’ persuni mixlija b’diversi akkużi ta’ kompliċità fil-qtil tal-avukat Carmel Chircop fl-2015 u fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia sentejn wara.
F’Awla 22, l-akbar awla tal-Qorti, l-akkużati kienu bilqiegħda b’distanza ta’ żewġ metri ‘l bogħod minn xulxin u min-nies oħra li kienu preżenti fl-awla anke minħabba li Jamie Vella, wieħed mill-akkużati, jinsab pożittiv għall-Covid-19.
Preżenti fl-awla kien hemm ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galiza, Peter u ibnu Matthew kif ukoll ħut il-ġurnalista
George Degiorgio ta’ 58 sena li diġà jinsab akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, flimkien ma’ Jamie Vella ta’ 37 sena kienu akkużati fost oħrajn bil-qtil tal-avukat Carmel Chircop u li dak inhar tad-delitt, kellhom fuqhom armi mingħajr liċenzja tal-pulizija.
Adrian Agius ta’ 42 sena ġie mixli b’kompliċità fil-qtil tal-avukat Carmel Chircop billi ordna liż-żewġ akkużati l-oħra biex joqtluh. Il-Pulizija xlewh ukoll bil-pussess ta’ 350 gramma droga eroina li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinetx għall-użu esklussiv tiegħu.
Ħuh, Robert Agius ta’ 37 sena flimkien ma’ Jamie Vella kienu akkużati b’kompliċità fil-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia, fosthom li fornew il-bomba li ntużat fil-qtil u li fornew ukoll armi li kellhom jintużaw sabiex tinqatel il-ġurnalista.
Jamie Vella, li fil-Qorti kien liebes ilbies protettiv, flimkien mal-aħwa Adrian u Robert Agius, wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi kontrihom. L-avukat ta’ George Degiorgio qal lill-Qorti li l-klijent tiegħu, għalkemm preżenti fl-awla, mhu se jwieġeb għall-ebda domanda. F’każi hekk il-Qorti tikkunsidra din bħala tweġiba mill-akkużat li mhux ħati.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mis-Supretendent Keith Arnaud, spjegat li l-arrest ta’ dawn l-akkużati seħħ wara s-seduta tat-Tlieta wara nofsinhar li matulha Vince Muscat ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia u xehed f’inkjesta maġisterjali fejn ta informazzjoni li wasslet għal dawn l-arresti, kif ukoll riżultat tal-proklama li ngħatat lil Muscat.
Id-difiża ma għamiltx talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li l-prosekuzzjoni talbet li jiġu ffriżati l-assi tal-akkużati. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiak laqgħet it-talba filwaqt li ordna wkoll investigazzjoni fuq l-assi kollha li jistgħu jappartjenu għall-akkużati.
L-akkużati ttieħdu lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.