Floriana FC – Darren Vella promoss minn Assistant Kowċ wara r-riżenja ta’ John Buttigieg
Il-Ħamis wara nofsinhar John Buttigieg irriżenja minn kowċ ta’ Floriana FC b’effett immedjat.
Buttigieg, eks player tal-istess klabb fi żminijiet ta’ glorja bir-rebħ tal-25 Kampjonat fl-istaġun 1992/1993 ikkomunika d-deċiżjoni lill-Kumitat tal-Greens u lill-players u sostna li kien qed jieħu din id-deċiżjoni fl-aħjar interess tal-klabb.
John Buttigieg kien ilu għal dawn l-aħħar sitt ġimgħat fit-tmexxija tat-tim li fihom b’xorti ħażina ma’ rebaħx partita waħda minn disgħa li fihom kellu t-tmexxija teknika tat-tim Furjaniż f’idejħ.
Sorsi li tkellmu ma’ StradaRjali ntant qalulna li minkejja li issa awtomatikament jibda jiċċirkola l-isem ta’ Enzo Potenza u kowċis oħra, l-klabb jidher li għal-logħbiet li ġejjin se jafda t-tim f’idejn Darren Vella (Assistant kowċ dan l-istaġun kemm ma’ Potenza kif ukoll ma’ Buttigieg), b’hekk għaż-żmien li ġej, Darren Vella se jiġi promoss bħala kowċ ġdid tat-tim Furjaniż.
Vella jiddebutta fit-tmexxija ta’ Floriana nhar is-Sibt li ġej fid-dwell kontra t-tim tal-qiegħ Senglea Athletic fil-Kampjonat.
It-telfa tal-bieraħ 3-1 kontra Santa Lucia u l-eliminazzjoni fi stadju bikri tal-aħħar 32 mill-FA Trophy kienet l-aħħar daqqa għal dan it-tim li issa fejn jidħlu riżultati dan l-istaġun verament mess il-qiegħ u fl-immedjat irid jibda paġna ġdida.