F’Malta, Issa Bdew Jitlaqqmu L-Persuni Vulnerabbli

 F’Malta, Issa Bdew Jitlaqqmu L-Persuni Vulnerabbli

F’Malta issa beda l-proċess biex aktar minn 25,000 persuna vulnerabbli f’pajjiżna, jitlaqqmu kontra l-Coronavirus.

Fost il-gruppi ta’ persuni li huma vulnerabbli hemm dawk bid-dijabete li huma dipendenti fuq l-insulina u persuni b’immunità baxxa.

Hemm ukoll dawk li qed jieħdu trattamenti b’pinnoli u mediċini li jpoġġu lill-persuna f’riskju akbar.

Fost l-aktar vulnerabbli li diġà bdew jitlaqqmu hemm persuni morda bil-kanċer, u oħrajn li ħadu l-kimoterapija fl-aħħar sitt xhur.

Persuni b’mard tal-kliewi li jagħmlu t-trattament tad-dialysis, ukoll huma meqjusa vulnerabbli.

F’dan il-grupp ta’ persuni hemm ukoll persuni b’mard respiratorju u persuni b’mard tal-qalb, inkluż dawk li se jagħmlu jew għamlu xi intervent kirurġiku fis-sitt xhur li għaddew jew fis-sitt xhur li ġejjin.

Meqjusa vulnerabbli wkoll huma dawk il-persuni li jieħdu steroids b’mod regolari, bħal nies li jbatu bl-ażma.

Fil-ġimgħat li ġejjin se jirċievu stedina wkoll dawk kollha li għandhom xi kundizzjoni li ġiet iċċertifikata minn speċjalisti fl-isptar bħala waħda li tpoġġi lil dak li jkun fi stat vulnerabbli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com