Francesca Clark Tiddomina L-Kampjonati Nazzjonali Tal-Badminton

 Francesca Clark Tiddomina L-Kampjonati Nazzjonali Tal-Badminton
Jiġu fi tmiemhom il-ħamsin edizzjoni tal-kampjonati Nazzjonali tal-Badminton fejn fihom tispikka ir-rebbieħa ta’ tlett kategoriji tan-nisa, Francesca Clark, fl-eta ta’ sittax-il sena.
Ilbieraħ kienet il-ġurnata tal-finali u fl-ewwel finali, Matthew Abela żamm it-titlu tal-Mens Singles għas-sitt darba konsekuttiva wara li għeleb lil Sam Cassar.  F’logħba li damet siegħa u erbgħa minuti, Abela rebaħ l-ewwel logħba 26-24, imbgħad tilef it-tieni waħda 17-21. Fl-aħħar logħba Abela rebaħ it-titlu bl-skor ta’ 24-22. Kif jixhed l-iskor tal-logħba, din kienet logħba missielta ferm li tawgura tajjeb liż-żewġ atleti li it-tnejn li huma tħarrġu fid-Danimarka fiċ-Ċentru ta’ Eċċellenza ta’ Badminton Europe.
Fil-kategorija tan-nisa, Francesca Clark, saret l-iżgħar atleta fl-istorja ta’ Badminton Malta li rebħet it-Triple Crown. Dan seħħ wara li hi rebħet kemm is-Singles, id-Doubles tan-Nisa u il-Mixed Doubles. Fis-singles hija rnexxielha twaqqaf il-mixja ta’ Fiorella Sadowski wara li din kienet rebħet l-aħħar disgħa edizzjonijiet ta’ din il-kategorija. Clark rebħet din il-logħba 21-13, 21-18. Fid-Doubles tan-nisa Francesca Clark flimkien ma’ Sarah Fava għelbu lill-istess Sadowski u Michaela Ellul 21-17, 21-13. Fil-Mixed Doubles, Francesca Clark u Sam Cassar għelbu l-isfida ta’ Matthew Abela u Sarah Fava 21-16, 21-9.
Mid-Doubles tal-irġiel, Sam Cassar u Mark Abela rebħu it-titlu għat-tielet darba konsekutiva wara li għelbu lil Nigel Degaetano u Isaac Ellul 21-15, 21-15.
Ritratt: Badminton Malta
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com