F’Settembru L-Impjiegi Full-Time Jiżdiedu B’4.6% – Il-Part Time Jonqos B’9.9%
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’Settembru li għadda, l-impjiegi full-time żdiedu b’4.6% waqt li l-impjiegi part-time naqsu b’9.9% meta mqabbel mal-istess xahar fl-2019.
L-istatistika pprovduta mill-Aġenzija tax-Xogħol Jobsplus turi li fuq perjodu ta’ sena, is-suq tax-xogħol f’Settembru żdied b’5.4% u laħaq il-234,964 ruħ. Dan kien dovut l-aktar għal żieda fl-impjiegi full-time ta’ 10,218-il ruħ u żieda fil-persuni jirreġistraw għax-xogħol ta’ 1,717.
Imqabbel ma’ Settembru tal-2019, iċ-ċifri tal-NSO juri li l-iktar żieda fl-impjiegi kienet reġistrata fis-settur tas-servizzi u dawk amministrattiva, is-settur tas-saħħa u soċjali b’2,596 u 1,700 impjieg rispettivament.
L-impjiegi fis-settur privat żdiedu bi 8,813 għal 181,653 waqt li l-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu b’1,405 biex telgħu għal 49,926.
Iċ-ċifri juru wkoll li l-persuni li jaħdmu għal rashom żdiedu b’2,476 meta mqabbel ma’ Settembru tal-2019.
L-Istatistika tal-NSO turi wkoll li l-ħaddiema b’impjieg part-time naqsu bi 3.1 fil-mija meta mqabbel ma’ Settembru tal-2019. Joħroġ ukoll li l-impjiegi fis-settur tal-akkomodazzjoni u tal-ikel naqsu b’1,415.
L-għadd ta’ persuni li kellhom ukoll impjieg full-time kien jammonta għal 31,674 ruħ, jiġifieri żieda ta’ 5% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena ta’ qabel. Għall-kuntrarju dawk li kellhom impjieg part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom kienu jammontaw għal 32,136 ruħ, tnaqqis ta’ 9.9 fil-mija.